Filmat: Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne u sejjaħ elezzjoni bikrija – Azzopardi

Read in English.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne Caruana Galizia u kien għalhekk li sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. 

Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament tal-Parlament, Azzopardi qal li skont xhieda fil-qorti ħarġet li Spettur tal-Pulizija stqarr li s-sim cards tal-burner phones inxtraw lejn l-aħħar tal-2016. 

Azzopardi insista li Yorgen Fenech kien jaf b’elezzjoni bikrija sa minn Diċembru tal-2016, jiġifieri ħames xhur qabel l-1 ta’ Mejju meta Muscat ħabbar id-data tal-elezzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista qal jeżistu chats privati bejn tlieta min-nies jiġifieri Yorgen Fenech, Keith Schembri u Joseph Muscat, fejn kien jaqsmu bejniethom ritratti, u li allura Muscat seta’ kien jaf li Daphne Caruana Galizia se jinqatel. “Riedu jeħilsu mill-elezzjoni ma tmurx tinqatel qabel,” stqarr Azzopardi.

Huwa qal li r-raġuni vera ta’ elezzjoni bikrija ma kinetx Egrant kif stqarr Muscat, iżda l-każ ta’ Montenegro fejn l-eks Prim Ministru beża’ li Caruana Galizia kienet se tikxfu qabel iż-żmien. “F’dawn iċ-chats lil Muscat jirreferu għalih bħala l-Ġinger u fl-aħħar ipotesi seta’ kien jaf li qed jinħadem pjan biex tinqatel Caruana Galizia,” temm jgħid Azzopardi.