Muscat jitlef żewġ libelli

Il-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef ġew ordnati jħallsu €4,000 f’żewġ każiijiet tal-libell li huma tilfu kontra l-avukat u l-eks President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech. Il-Qorti sabet li d-dikjarazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Fenech bħala foloz.

F’Marzu 2016 il-Partit Laburista kien allega li l-avukat Fenech irċiviet miljuni ta’ ewro f’konsulenzi taħt il-Gvern immexxi mill-eks Prim Ministru Gonzi u li ħadmet personalment fil-program taċ-ċittadinanza u li kellha kumpaniji l-Panama.

Il-Qorti sabet li fl-istqarrija saru asserzjonijiet fil-konfront ta’ Fenech, illi hija ilha bil-kumpaniji fil-Panama sa mill-2003 u hija żammet mistur li kellha kumpaniji fil-Panama. Il-Qorti sabet li għad-differenza li allegat l-istqarrija, Fenech personalment qatt ma kellha ebda kumpaniji fil-Panama. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kompliet tgħid li minkejja li l- informazzjoni kienet magħrufa, ma ngħatatx u ġiet tidher bħal li kieku Fenech “personalment” kellha l-kumpaniji. Il-Partit Laburista kien għażel li jagħmel kampanja permezz tal-użu ta’ billboards dwar il-kumpaniji li allegaw.

Il-Qorti sabet li l-Partit Laburista kien ħa fil-mira tiegħu lil Fenech personlament u qatt ma semma li din tagħmel parti minn ditta legali. Il-fondi li jissemmu fl-istqarrija ma kienux ingħataw lil Fenech personalment iżda tħallsu lil Fenech and Fenech Advocates filwaqt lix-xogħol fuq l-iskema taċ-ċittadinanza u l-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama saru minn Fenlex, ditta legali oħra.

Instab li min kiteb l-istqarriji għall-Partit Laburista għażel li jħalli l-fatti barra minkejja li kienu magħrufa biex b’hekk Fenech tidher bħalikieku personalment irċiviet €1 miljun u li hi personalment ħadmet fuq l-iskema taċ-ċittadinanza.

Fiż-żewġ każijiet il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale.