Muscat jiċħad rapporti li qed jiġi investigat fl-Italja

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad rapporti li allegaw li hu qed jiġi investigat fl-Italja.

F’artiklu li ttella’ llum fuq Kenneth Rijock’s Financial Crime Blog jingħad li l-Aġenzija Taljana għall-Ħasil tal-Flus fetħet investigazzjoni kriminali dwar attività finanzjarja mill-eks Prim Ministru Malti u sħabu. L-istess rapport jgħid li din l-attività kienet tinvolvi tranżazzjonijiet finanzjarji fl-Italja. Rijock jirrimarka “li ġurnalisti investigattivi f’Malta ilhom jissuspettaw li Muscat kellu relazzjoni mill-qrib mal-Mafja fi Sqallija”.

Madanakollu, ma’ Newsbook.com.mt, Dr Muscat ċaħad ir-rapport u qal li “dan l-individwu li żgur m’għandu l-ebda rabta ma’ xi istituzzjoni li ‘jikkwota’ qiegħed mill-ġdid jirrikorri għall-fabrikazzjonijiet”. Insista li filwaqt li din hija invenzjoni, hu qatt ma’ kellu xi “attivitajiet finanzjarji” fl-Italja.

Nhar it-Tlieta li għadda Keith Schembri, li kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, ġie arrestat fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li twettqet dwar allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti. Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT ġew interrogati wkoll. Skont l-avukati ta’ Schembri, huwa ġie arrestat għall-ħabta tan-12.30am tat-Tlieta u nħeles bil-bail għall-ħabta tad-9.30pm fl-istess jum.

Nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija, l-Imħallef Edwina Grima ordnat sekwestru tal-assi tal-eks chief of staff u ta’ nies affiljati mal-kumpanija Nexia BT, hekk kif ikkonkludiet li hemm raġunijiet biżżejjed ta’ suspett li huma ħatja ta’ ħasil ta’ flus. L-ordni tal-Imħallef, li sar fuq talba tal-Avukat Ġenerali, jikkonċerna aktar minn 40 persuna u numru kbir ta’ kumpaniji. L-Erbgħa filgħodu, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, qal fuq Twitter li ġew issekwestrati aktar mill-assi ta’ Keith Schembri. Dan wara li nstab li l-ewwel sekwestru kellu xi assi neqsin.