Muscat jibqa’ jallega li Yorgen qed iċappsu għax ma ngħatax proklama

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa għal dak li ntqal fil-qorti llum fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa tenna li hu kien irċieva theddida li jekk Fenech ma jingħatax maħfra presidenzjali, hu se jiġi mċappas.

F’kitba fuq Facebook, Muscat qal li qed jikteb pubblikament fuq dak li ntqal fil-qorti biex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet żbaljati.

Muscat jgħid li filwaqt li hu ċar li hu ma kienx jaf bid-delitt minn qabel, hu qatt ma ddiskutieh ma’ Fenech. Semma kif f’xi rikordings Fenech jgħid li jagħmel “ġennata” jekk ikellem lilu, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.

Fil-qorti llum sar il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra mill-Prosekuzzjoni, li semma kif Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li hu tkellem ma’ Joseph Muscat darbtejn: darba meta Muscat bagħat għalih f’Kastilja, u fil-preżenza ta’ Keith Schembri, staqsieh jekk jistax jafdah lil Melvin Theuma, u t-tieni darba meta Fenech kien mistieden fil-party famuż ta’ Muscat fil-Girgenti. L-Ispettur irrakkonta kif, iżda, minkejja li Fenech attenda dal-party ta’ għeluq snin Muscat, wara Fenech bagħat messaġġ lil Muscat jgħidlu jiskużah għax ma kellmux imma kien il-ħin kollu mdawwar bin-nies u hu mistħi.

Muscat ikkummenta fuq dan fuq Facebook u qal li b’hekk dan il-messaġġ jikkontradixxi dak li Fenech qal fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, li tkellem ma’ Muscat fuq il-każ.

Sabiex ma jkunx hemm interpretazzjonijiet żbaljati ta' dak li ntqal illum fil-Qorti, nixtieq nagħmel ċari dawn il-punti…

Posted by Joseph Muscat on Thursday, August 27, 2020

L-eks Prim Ministru żied jgħid li hu impossibbli li waqt l-allegata laqgħa ma’ Fenech hu ta informazzjoni fuq rejds mill-Pulizija, “għaliex kif jirriżulta mix-xhieda tal-Pulizija stess, diskussjoni u ħsieb li jsiru xi raids saru ferm wara l-perjodu li ġie allegat li saret l-istess laqgħa. Għalhekk ma stajt qatt ngħaddi informazzjoni dwar ħsieb li mhux biss kien għadu ma ġiex ikkomunikat lili, iżda lanqas kien beda jiġi kkunsidrat mill-Pulizija.”

Issokta jgħid li fil-qorti llum ġie kkonfermat li din l-istqarrija ngħatat wara li kienet ġiet rifjutata talba għall-maħfra presidenzjali, u wara li Muscat irċieva theddida li jekk ma jirrakkomandax il-maħfra, “kont se niġi mċappas.” Sostna li dan qalu pubblikament u xehdu quddiem il-Maġistrat inkwerenti fuq talba tiegħu stess.

Fenech qal lill-Pulizija li tliet persuni kienu jafu bl-involviment ta’ Keith Schembri fil-qtil tal-ġurnalista, u Muscat kien wieħed minnhom. It-tnejn l-oħra kienu t-Tabib Adrian Vella u Johann Cremona.

Il-ġimgħa li għaddiet, Joseph Muscat ġġie interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-investigazzjoni fuq il-każ.

Muscat temm il-messaġġ tiegħu billi qal, “Dmiri meta kont Prim Ministru dejjem għamiltu u u dan wassal biex ikun hemm żblokk importanti f’dan il-każ maġġuri, kuntrarju għal delitti kbar li saru qabel.”