Muscat jagħtiha għall-futbol; għas-Serie C mal-MFA?

Aġġornat 05:12 PM
DOI: Omar Camilleri

Read in English.

Il-futur tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat jidher li hu marbut mal-proġett tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) li jkollu tim Malti jipparteċipa fit-tielet diviżjoni Taljana, is-Serie C.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru nhar il-Ġimgħa li għadda, Joseph Muscat qal li qasam li beħsiebu jidħol fih issa huwa l-futbol.

Fl-aħħar diskors indika futur fil-futbol
“Inħobbkom” – l-aħħar kelma ta’ Joseph Muscat

La Muscat u lanqas l-MFA ma kkonfermaw id-dettalji dwar din l-istorja, iżda rapporti qed jindikaw li kien hemm laqgħa din il-ġimgħa fil-Kwartieri tal-MFA f’Ta’ Qali. Ġie rrappurtat li l-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li ma kienx f’pożizzjoni li jagħti dettalji fuq l-involviment ta’ Joseph Muscat peress li l-proġett tas-Serie C għadu qed jieħu l-forma.

L-MFA ħabbret is-sena li għaddiet il-pjan tagħha li toħloq tim tal-futbol Malti li jkollu 10 plejers Maltin li jilagħbu fil-lega professjonali Taljana fis-Serie C. Il-President indika li se jkun hemm għażla mill-U-19 li jikkompetu fil-Campionato Nazionale Dante Berretti li jkollu madwar 20 żagħżugħ Malti fl-iskwadra.

“Muscat m’għandu jkun assoċjat mal-ebda inizjattiva nazzjonali Maltija” – Cassola

Arnold Cassola, l-eks Kap tal-Alternattiva Demokratika u eks kandidat indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, wissa lill-MFA li ma jmissha bl-ebda mod tassoċja lil Joseph Muscat jew lil Jason Micallef mal-proġetti tagħha.

Dwar Micallef, Cassola qal li dan offenda lill-Maltin bil-kummenti tiegħu, filwaqt li Muscat, skont Cassola, tniżżel fl-istorja bħala protettur tal-kriminali, l-assassini u l-politiċi mxaħħmin.

Cassola qal li jekk Vassallo jiddeċiedi li jinvolvi lil Muscat f’dan il-proġett, ikun qed jattira l-attenzjoni tad-dinja fuq il-fama ta’ Muscat bħala protettur tal-korrotti.