Tliet għaqdiet sostnew li l-Prim Ministru Joseph Muscat “irriduċa l-ogħla palazz ta’ Malta f’maqjel ta’ konfoffa mafjuża u qattiela.”
Dan qaluh Repubblika, Occupy Justice u Manueldelia.com fi stqarrija wara x-xhieda li ta llum Melvin Theuma. Irrimarkaw li din ix-xhieda kompliet tikxef “ix-xibka mafjuża ġewwa Kastilja”. Tennew b’aktar saħħa li Muscat għandu jirreżenja immedjatament.
Intant, qalu li l-Pulizija għandha tinvestiga mingħajr dewmien lil Muscat, Keith Schembri, Kenneth Camilleri, Robert Agius, Adrian Agius, Neville Gafa u Sandro Craus. Irrimarkaw li ħadd ma għandu jkun ‘il fuq mil-liġi.
Talbu wkoll lill-Pulizija sabiex tagħti rendikont tal-investigazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-economic crimes unit u li huma relatati direttament max-xibka ta’ kriminalità. Qalu li l-Pulizija għandha tgħid jekk Brian Tonna u Karl Cini tan-Nexia BT humiex qed jiġu investigati f’dan il-każ.
L-għaqdiet stiednu lil kulħadd sabiex nhar il-Ħadd li ġej fl-4pm jingħaqad magħhom għal protesta nazzjonali fil-Belt Valletta.
“Sapport għall-protesti li għaddejjin f’Malta” – EDS
L-Istudenti Demokratiċi Ewropej (EDS) qalu li qed isegwu l-iżviluppi f’Malta fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma esprimew sapport sħiħ mal-protesti li qed isiru Malta. Huma qalu wkoll li jaqblu mat-tħassib tal-European People’s Party, li riċentament qal li hija xi ħaġa li tqanqal rabja kbira li Muscat ma rreżenjax b’mod immedjat.