Muscat irid jerfa’ r-responsabbiltà tal-kunflitt ta’ interess fil-ħatra fil-PA – NGOs

Facebook

Read in English.

11-il għaqda mhux governattiva kkundannaw lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat talli ddefenda l-ħatra li kien ta lil impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq tribunal li jiddeċidi dwar l-appelli li jsiru tad-deċiżjonijiet tal-istess awtorità.

Meta Muscat kien għadu Prim Ministru, huwa kiena apponta lil Martin Saliba fuq it-Tribunal tal-Appelli, li jieħu deċiżjoni fuq każijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar, meta Saliba kien bil-leave mill-Awtorità tal-Ippjanar, u bl-assigurazzjoni li Saliba se jżomm xogħlu fl-awtorità wara li jlesti mit-Tribunal.

Fi stqarrija konġunta maħruġa lbieraħ, kelliem għall-NGOs sostna li dan hu kunflitt ta’ interess. Qal illi Saliba qatt ma ddiskuta l-kwistjoni, fejn ġie żvelat li huwa kellu garanzija li huwa sigur finanzjarjament billi reġa’ ħa xogħlu fl-Awtorità tal-Ippjanar.

L-NGOs qalu li huwa evidenti li sitwazzjoni bħal din twassal biex jittieħdu deċiżjonijiet b’ċerti interessi, speċjalment peress li Martin Saliba ddeċieda fuq proġetti kbar bħat-torrijiet tal-Imrieħel ta’ Tumas u Gasan, il-proġett tas-Central Link u l-proġett fil-binja tal-ITS f’Pembroke.

Fl-istqarrija l-NGOs isostnu li Joseph Muscat u Martin Saliba għandhom jerfgħu responsabbiltà ta’ dan il-ksur u tan-nuqqas ta’ trasparenza. Stqarrew li huma mhumiex se jistrieħu sakemm jirnexxilhom idgħajfu l-korruzzjoni fi ħdan is-sistema tal-ippjanar u l-appelli. Qalu li jridu jiżguraw li xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha.

L-NGOs firmatarji ta’ din l-istqarrija kienu Attard Residents Environmental Network, Azzjoni Tuna Artna Lura, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Helwa, Extinction Rebellion Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association of Malta.