Muscat imsejjaħ jixhed quddiem il-bord tal-inkjesta pubblika

Aġġornat 05:49 PM

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat intalab jitla’ jixhed quddiem il-bord li qed jisma’ l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

S’issa Muscat għadu ma kkonfermax li se jitla’ jixhed nhar il-Ġimgħa hekk kif mitlub mill-bord. Is-segretarja tal-bord qalet li meta l-marixxalli tal-Qorti marru bit-taħrika fir-residenza tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat din ingħatat lil missieru.

Jekk jitla’ jixhed Muscat se jkun l-aktar persuna meqjusa ta’ profil għoli, li qatt xehed f’din l-inkjesta pubblika.

Illum il-bord tal-inkjesta pubblika reġa’ ltaqa’ u telgħu jixhdu iċ-Chairperson u s-Segretarju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Huma qalu li huma preklużi mil-liġi u għalhekk mhux se jixhdu.

Is-Segretarju tal-Kummissjoni Permanenti qal li huwa ilu f’din il-kariga minn Mejju ta’ din is-sena u sal-aħħar tal-2019 kien hemm 10 każijiet pendenti.

Il-president tal-Kummissjoni l-Imħallef Lawrence Quintano kkwota l-liġi li tgħid li l-persuni huma preklużi milli jixhdu u kull ksur ta’ din il-liġi jista’ jkollha riperkussjonijiet kriminali.

Therese Comodini Cachia li hija l-avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia staqsiet jekk ir-rapporti tal-kummissjoni kinux ippubblikati. Min-naħa tagħhom iż-żewġ rappreżentanti wieġbu li ma kinux jafu. Comodini Cachia qalet li skont il-liġi l-kummissjoni għandha tgħaddi kull rapport lill-Ministru tal-Ġustizzja u jekk tinsab li kien hemm korruzzjoni ir-rapport għandu jintbagħat lill-Avukat Ġenerali.

L-avukat tal-familja Caruana Galizia żiedet l-liġi ma tindikax jekk ir-rapporti jew ir-rapporti annwali humiex sigrieti. Saħqet li hija mhux qed tfittex id-dettalji tal-każijiet li l-kummissjoni tkun investigat jew l-ismijiet ta’ dawk investigati imma kif qed topera l-kummissjoni u l-konkluzjonijiet tagħha.

Din is-seduta ġiet aġġornata wara li l-bord talab biex jiġi msejjaħ il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis biex iwieġeb dwar ix-xogħol ta-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u r-rapporti li huwa rċieva.

It-Tnejn 7 ta’ Diċembru l-bord se jkun qed jisma’ lill-Kap Eżekuttiv tal-Programm Investitur Individwali Jonathan Cardona u lill-editor-chief tat-Times of Malta Herman Grech. L-Erbgħa 9 ta’ Diċembru mistennija tixhed is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u Edward Zammit Lewis, u l-Ġimgħa 11 ta’ Diċembru, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.