​Muscat imexxi Gvern korrott; Dellijiet fuq Delia – David Thake

L-eks Kunsillier u kandidat tal-Partit Nazzjonalista David Thake qal li llum fil-pajjiż fuq naħa hemm Prim Ministru li qed imexxi l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta, u fuq in-naħa l-oħra hemm Dr Adrian Delia li ddeskrivieh bħala persuna mdawra b’ħafna dellijiet.
Thake kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt wara li ħarġet l-aħbar tar-riżenja tiegħu mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Thake żied jgħid li llum ma jħossux komdu taħt it-tmexxija ta’ Delia għax jemmen li mhuwiex l-aħjar persuna biex imexxi lil Malta, speċjalment fis-sitwazzjoni kritika li fiha jinsab il-pajjiż.
L-eks Kunsillier tal-PN qal li Delia ma jistax jirribatti l-affarijiet li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet dwaru.
Ħassejtni għall-ewwel darba naqbel ma’ dak li qal Muscat – Thake
Dwar meta l-Prim Ministru Joseph Muscat talab lil Delia fil-Parlament biex hu jordna inkjesta fl-allegazzjonijiet li saru dwaru, Thake qal li għall-ewwel darba sab ruħu jaqbel ma’ dak li kien qed jgħid Muscat.
Thake fakkar kif l-ewwel ħaġa li mar jagħmel Delia kienet li ċeda l-libelli li kien fetaħ kontra Caruana Galizia. Qal li malli sar dan, Delia kien qed jiċħad lill-poplu Malti milli jkun jaf x’kienet il-verità.
Thake stqarr li Delia lanqas biss seta’ jkun preżenti jew saħansitra jmexxi d-dimostrazzjoni li saret il-Ħadd li għadda minħabba dak li kienet qalet dwaru l-ġurnalista Caruana Galizia. Qal li din hija xi ħaġa serja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma jistax imexxi l-poplu f’ħin bħal dan.
Thake qal ma’ Newsbook.com.mt li l-lealtà tan-nies għandha tkun lejn il-prinċipji u lejn il-pajjiż u mhux lejn xi persuna.