Aġġornata: Muscat ikkundanna l-aġir goff tal-Pulizija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkritika l-mod ta’ kif l-Uffiċjali tal-Pulizija trattaw lil dawk il-persuni li marru jipprotestaw quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ filgħodu.

Muscat qal li hu għamilha biċ-ċar li ma jridx li l-Pulizija tuża dik it-tip ta’ forza li ntużat ilbieraħ. Dan qalu meta kien mistoqsi minn xi ġurnalisti u l-kumment tiegħu ħareġ f’artiklu li kitbu Lovin Malta aktar kmieni llum.

Ilbieraħ attivisti minn Moviment Graffiti kif ukoll Kamp Emerġenza Ambjent marru jipprotestaw kontra applikazzjoni ta’ pompa tal-petrol fiż-Żejtun u spiċċaw tkaxkru ‘l barra mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Pulizija wara li ddeċidew li jidħlu jipprotestaw fil-bini. Jidher li xi wħud mill-attivisti ġarrbu xi ġrieħi ħfief.

Il-Membru Parlamentari Karol Aquilina ippreżenta żewġ mistoqsijiet fil-Parlament dwar l-imġieba tal-Pulizija mal-attivisti li ħadu sehem fi protesta lbieraħ quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. 

Karol Aquilina ippreżenta żewġ mistoqsijiet fil-Parlament biex ikunu mwieġba mill-Ministru Farrugia li hu responsabbli mill-Korp tal-Pulizija. Aquilina qed isaqsi x’passi ittieħdu jew se jittieħdu fil-konfront tal-uffiċjali u membri tal-Korp tal-Pulizija, inkluż membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU), li użaw forza eċċessiva deskritta wkoll mill-Prim Ministru bħala “heavy-handed”. 

Huwa qed jitlob ukoll lill-Ministru jgħid min kien l-uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija li ta l-ordni biex attivisti tal-Moviment Graffitti u tal-Kamp Emerġenza Ambjent jitneħħew bl-użu ta’ forza eċċessiva minn membri tal-Korp tal-Pulizija, inkluż membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU), waqt l-istess protesta.

Għadni kemm ippreżentajt dawn iż-żewġ mistoqsijiet parlamentari biex jiġu mwieġba mill-Ministru Michael Farrugia li huwa…

Posted by Karol Aquilina on Friday, September 14, 2018