Muscat ifaħħar il-coding; Delia jbassar rivoluzzjoni industrijali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huma importanti li n-niċeċ ġodda li qed joħloq il-Gvern ikunu mgħallma sa minn età żgħira, niċeċ bħall-coding, il-programming u suġġetti ta’ din ix-xorta li jaqgħu taħt oqsma bħall-gaming u l-blockchain. Fl-istess konferenza dwar ix-xogħol, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li ninsabu f’xifer ta’ rivoluzzjoni industrijali tal-intelliġenza artifiċjali.

Dan ingħad fil-konferenza nazzjonali dwar il-futur tax-xogħol li saret fil-Palazz Verdala. Il-President George Vella, fil-ftuħ tal-konferenza, qal li hu sodisfatt li Malta hi parti minn inizjattiva internazzjonali li tagħti prominenza lill-obbligu li l-gvernijiet joħolqu suq tax-xogħol mibni fuq sigurtà ekonomika, opportunitajiet indaqs u ġustizzja soċjali.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-Gvern dejjem jipprova jaddatta għal realtajiet ġodda billi jantiċipa ż-żminijiet. Hu u jitkellem fuq l-importanza tat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti relatati mal-informatika, il-Prim Ministru qal li f’Malta teżisti skills mismatch, jiġifieri li l-ħiliet tal-ħaddiema ma jkunux jaqblu mal-ħtiġijiet tax-xogħol fil-pajjiż, iżda hu qal li l-Gvern qed jaħdem biex itaffi din id-diskrepanza bit-tagħlim.

Il-Ministru Helena Dalli żiedet tgħid li sa ftit snin oħra, ir-robots u makkinarju li jaħdem bl-intelliġenza artifiċjali għandhom jikkontribwixxu għal nofs il-funzjonijiet produttivi fuq il-post tax-xogħol. Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia ta x’jifhem li l-baġit Ewropew għas-snin 2021-2027 se jħares lejn il-futur b’dan il-mod.

“F’xifer ta’ rivoluzzjoni industrijali” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Malta tinsab f’xifer ta’ rivoluzzjoni industrijali tal-intelliġenza artifiċjali. Delia wissa li ċerti postijiet tax-xogħol jaf jaraw it-tmiem tagħhom, peress li aktar nies qed jagħżlu li jaħdmu mid-dar. Qal ukoll li dan jaf ikollu l-benefiċċji tiegħu, peress li jkun hemm inqas traffiku u emissjonijiet tal-karozzi, iżda wissa fuq il-bżonn li naħsbu fuq in-nuqqas ta’ interazzjoni umana f’każ li jiġri dan.

Adrian Delia tkellem ukoll fuq dik li hu jsejjaħ “kriżi” tal-pensjonijiet, li skontu, ħadd ma jrid jitkellem fuqha. Qal li jeħtieġ li l-pensjonijiet ikunu sostenibbli fit-tul taż-żmien. Dwar l-edukazzjoni, qal li s-sitwazzjoni hi li meta ħafna nies jispiċċaw l-esperjenza ta’ tagħlim tagħhom, dak li jkunu tgħallmu ma jkunx għadu jgħodd minħabba t-tibdil fil-mentalità.

Joseph Muscat qalb iż-żgħażagħ f’Ta’ Xbiex

Intant, f’attività politika fost iż-żgħażagħ f’Ta’ Xbiex, il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-aktar wegħda għal qalbu milli ħabbar il-PL bħala parti mill-kampanja elettorali din il-ġimgħa, kienet il-pjan għal park kbir f’Ta’ Qali tant li se jkun daqs terz minn Hyde Park.

Muscat tkellem maż-żgħażagħ, sema’ l-inkwiet tagħhom u l-ideat tagħhom fuq diversi suġġetti, fosthom fuq l-arti u kemm l-artisti ma jiġux apprezzati. Muscat qalilhom biex iqawwu qalbhom.