“Muscat gideb dwar it-taxxi u l-akkomodazzjoni soċjali” – De Marco

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi, Mario de Marco qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat gideb dwar is-sitwazzjoni tat-taxxi u l-akkomodazzjoni, fid-diskors tiegħu l-Ħadd li għadda waqt attività politika l-Imsida.
De Marco qal fi stqarrija li, kuntrarju għal dak li qal Muscat, it-taxxa tas-sisa żdiedet fuq prodotti essenzjali li jintużaw mill-Maltin kollha, u fi kliemu, dan skont ċifri tal-Gvern stess.
Ċaħad ukoll id-dikjarazzjoni ta’ Muscat li skont statistika uffiċjali l-applikazzjonijiet għad-djar tal-Gvern niżlu minn 839 fl-2012 għal 637 fl-2017.
Huwa sostna li fil-verità l-Awtorità tad-Djar kellha 2,773 każ pendenti għal akkomodazzjoni soċjali fl-2012, li żdiedu b’26% sal-aħħar tal-2016, hekk kif telgħu għal 3,503.
Għalhekk, De Marco kkritika lill-Prim Ministru talli ma laqax id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-Partit Nazzjonalista b’mod pożittiv, ladarba l-għan tiegħu kien li jiftaħ diskussjoni dwar temi importanti li jolqtu lill-poplu kollu, sabiex dan iwassal għal tqassim aħjar tal-ġid ekonomiku fis-soċjetà.