Muscat għandu jitneħħa wkoll mill-Grupp Parlamentari – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jneħħi wkoll lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat mill-Grupp Parlamentari.

Dan qalu permezz ta’ tweet ftit tal-ħin wara li l-Membru Parlamentari Konrad Mizzi żvela fuq Facebook li Abela talbu biex jirreżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista. Delia sostna li Abela għandu jassigura li t-“trio” jaffaċċja investigazzjoni propja u serja.

Konrad Mizzi ħabbar fuq il-Facebook tiegħu li l-Prim Ministru talbu biex ma jibqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Fl-istess post, Mizzi qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni iżda se jibqa’ leali lejn il-Partit Laburista. Hu implika li se jibqa’ Membru Parlamentari li jagħti l-voti tiegħu lill-Partit Laburista.

Minkejja li Mizzi ma jaħsibx li għandu jirreżenja u jidher li qed jinsisti li ma jagħmilx dan, hu m’għandux għażla li jibqa’ parti mill-Grupp Parlamentari jekk l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jiddeċiedi li dan jitneħħa.

Bħalissa, il-Partit Laburista qed ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari sabiex jieħu d-deċiżjonijiet importanti. Il-ġurnalisti qed jistaqsu lill-membri parlamentari partikolarment jekk jemmnux li Muscat għandu jitħalla jservi bħala Membru Parlamentari, kif ukoll dwar Mizzi. Il-membri tal-eżekuttiv qed jgħidu li d-deċiżjonijiet kollha se jittieħdu llejla u li l-opinjoni tagħhom se jagħtuha waqt li jkunu fil-laqgħa.