Muscat għandu jitlaq; l-ikbar fiduċja f’Fearne – MaltaToday

60.6% jgħidu li għandhom fiduċja fi Chris Fearne

Read in English.

Stħarriġ li sar mill-gazzetta MaltaToday u li ġie ppubblikat illum, juri li 43% jaqblu li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jwarrab. Is-56.8% li ma qablux huma maqsumin bejn dawk li riduh jibqa’ u dawk li riduh jitlaq. Għaldaqstant, il-maġġoranza jixtiequh jitlaq issa jew f’Jannar.

Fl-istess stħarriġ, 60.6% jgħidu li għandhom fiduċja fi Chris Fearne, li esprima interess li jsir il-mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll Prim Ministru. Dawk li esprimew fiduċja f’Adrian Delia, il-Kap Nazzjonalista, huma 17.8%. Madwar 21% qalu li ma jafdaw lil ħadd jew li ma jafux.

Il-MaltaToday għamlet l-istħarriġ il-ġimgħa li għaddiet u staqsiet il-mistoqsijiet kollha lil 660 persuna.

Kif marru l-kandidati?

Il-mistoqsijiet kienu jinkludu f’liema mexxej għandhom l-aktar fiduċja, bejn Adrian Delia u l-erba’ ismijiet li qed jissemmew li se jikkontestaw għall-mexxej Laburista. L-erba’ ismijiet kienu jinkludu dak ta’ Miriam Dalli, għalkemm ħabbret li mhix se tikkontesta.

Ma’ Fearne, Delia kiseb 17.8%, 21.5% ma’ Robert Abela, 17.3% ma’ Miriam Dalli u 22.6% ma’ Ian Borg.

Fearne rreġistra l-aktar fiduċja fost l-Għawdxin (69%). Fost dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2017 ivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, 38.6% esprimew fiduċja f’Delia, filwaqt li 27.6% ipprefer lil Fearne.

Il-kandidati fit-tellieqa

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li jirriżenja meta jintgħażel mexxej ġdid tal-Partit Laburista. Fearne kien l-ewwel li ħabbar li se jikkontesta. Huwa kien segwit mill-Membru Parlamentari Robert Abela.

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli li kienet qed tissemma’ li mħajra tkun mexxej, ħabbret il-Ħamis li ma kinitx se tikkontesta. Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li mhux se jikkontesta, iżda li ma jeskludix il-possibilità li jitħajjar għal Deputat Mexxej.

Sorsi qrib il-Partit Laburista qalu ma’ Newsbook.com.mt, li Chris Fearne offra l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet Parlamentari lil Ian Borg. Din qanqlet reazzjoni f’saħħitha minn Robert Abela, li milli jidher ġie offrut il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.