Muscat għandu jitlaq issa – Il-Maltin f’Londra

Read in English.

Diversi persuni li jgħixu f’Londra dalgħodu ħarġu jipprotestaw fil-Pjazza tal-Parlament f’Londra, jitolbu għall-ġustizzja għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caurana Galizia.

Huma kellhom diversi kartelluni li jiddiskrivu lil Malta bħala ‘Mafja’, kif ukoll ritratti tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din il-protesta kienet indirizzata mill-ġurnalista u blogger Manuel Delia. F’Londra Delia appella għall-ġustizzja u l-verità, l-istess sejħa li kienet ikkarratterizzata wkoll fil-protesti li saru fil-jiem li għaddew f’Malta.

Fi stqarrija, il-komunità Maltija f’Londra spjegat li l-għan ta’ din il-protesta huwa biex jappellaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat jassumi r-responsabilità tal-assassinju tal-ġurnalista u jirreżenja minnufih.

Fl-aħħar ġimagħtejn, eluf ta’ persuni f’Malta pprotestaw fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew marbutin mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li jinkludu l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Fil-jiem li għaddew il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja wara li l-Partit Laburista jagħżel mexxej ġdid. Madankollu eluf ta’ persuni qed jinsistu li Muscat għandu jirreżenja immedjatament biex ma jfixkilx l-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin.