“Muscat għandu jitlaq issa” – il-familja ta’ Daphne

REUTERS/Guglielmo Mangiapane/File Photo

Read in English.

Propju wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li f’xi ġurnata f’Jannar tal-2020 se jkun qed jirreżenja mill-karigi tiegħu, il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia sostniet li Muscat għandu jirreżenja immedjatament.

Fi stqarrija ta’ Daphne Caruana Galizia Foundation, oħt il-ġurnalista, Corinne Vella, sostniet li Muscat qed jipposponi r-riżenja tiegħu sa Jannar bħala attentat sabiex ikompli jipproteġi lilu nniffsu u lill-ħabib tiegħu Keith Schembri. Qalet li dan minkejja li fl-aħħar jiem ħareġ li Schembri, li kien iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, huwa implikat li kellu x’jaqsam mal-assassinju tal-akbar kritika ta’ Muscat.

Vella insistiet li mhux tollerabbli li Muscat jibqa’ jokkupa din il-kariga. Sakemm hu jirreżenja, il-familja se tibqa’ tuża rimedji legali sabiex tassigura li Muscat ma jkollux aktar involviment fil-proċedimenti kriminali u fl-investigazzjonijiet għajr jekk jitqies bħala suspettat.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar li ġej. F’messaġġ imxandar fuq l-istazzjon Nazzjonali TVM, il-Prim Ministru qal li huwa lest jerfa’ r-responsabbiltà anke fl-affarijiet li m’għandux x’jaqsam magħhom. Ħabbar li fit-12 ta’ Jannar 2020 se jintgħażel Mexxej Laburista ġdid li fil-ġranet ta’ wara jsir il-PM l-ġdid ta’ Malta. Dan jikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li lbieraħ filgħodu żvela l-pjan ta’ Muscat li jirriżenja f’Jannar.

Wara din l-aħbar, il-President ta’ Malta George Vella qal li dawn mhumiex żminijiet normali u dak li għaddej f’Malta bħalissa huwa bla preċedent. Il-President appella għall-kalma. Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix se tipparteċipa fl-ebda attività li tinvolvi lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

L-għaqda Repubblika insistiet li l-Prim Ministru għandu jgħaddi ċ-ċwievet ta’ Kastilja lid-Deputat tiegħu. Dan minħabba li skont l-istess għaqda, fil-messaġġ lin-nazzjon, Joseph Muscat irriżenja biex jibqa’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.