Muscat għandu jirrispondi għall-ksur ta’ etika tiegħu – Repubblika

Read in English.

Repubblika qalet li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirrispondi għall-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards sabu ħati li qabeż is-setgħat tiegħu u kiser il-Kodiċi tal-Etika meta ta struzzjonijiet lill-Awtorità tat-Turiżmu biex timpjega lil Konrad Mizzi.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni qalet li tittama li l-Ispeaker Anġlu Farrugia jsejjaħ lil Muscat il-Parlament sabiex dan iwieġeb għall-imġiba tiegħu meta kien membru parlamentari.

Il-kwistjoni hija dwar kif, f’Ottubru li għadda, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ikkonkluda li Joseph Muscat kiser il-liġi u l-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri meta ta istruzzjoni biex Konrad Mizzi jinħatar konsulent tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). Mizzi kien qed jitħallas €80,000 fis-sena ta’ din il-kariga.

Hyzler investiga l-ingaġġ ta’ Mizzi bħala konsulent tal-MTA, li sar fid-9 ta’ Diċembru tal-2019 – ġimagħtejn wara li rreżenja minn Ministru għat-Turiżmu – b’kuntratt għall-ħlas ta’ €80,400 fis-sena u benefiċċji oħra.

L-eżistenza tal-kuntratt saret pubblika fis-27 ta’ Jannar tal-2020, u dan wassal biex il-Gvern iwaqqfu. Il-Kap tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo ssottometta lment dwar l-għoti tal-kuntratt mal-Kummissarju Hyzler.

Fl-istqarrija tagħha llum, Repubblika qalet li hi mħassba li l-Gvern qed isostni li Muscat m’għandux jirrispondi għall-aġir tiegħu. “Il-Prim Ministru Robert Abela issa qed jipprova jaħbi l-imġiba skorretta ta’ sieħbu u ma jħallix lill-Parlament iwettaq dmiru. B’hekk Dr Abela qed isaħħaħ il-kultura ta’ impunità fejn min hu b’saħħtu jeħlisha u ma jerfax ir-responsabbiltà ta’ għemilu.”

B’dan l-aġir, skont Repubblika, il-Gvern qed jgħid li meta wieħed ma jibqax membru parlamentari lanqas jibqa’ responsabbli tal-imġiba tiegħu meta kien fil-Parlament. “Din hija pożizzjoni skorretta, assurda u perikoluża,” temmet tgħid Repubblika.