“Muscat għandu jiġi interrogat mill-Pulizija” – Busuttil

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss għandu jirriżenja imma jiġi interrogat mill-Pulizija.

Dr Busuttil, irrefera għar-rapporti fil-midja u qal li issa huwa ċar li l-Prim Ministru ilu jaf dwar x’kien qed jiġri fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Żied jgħid li kien ilu jaf għal żmien twil u żamm kollox moħbi biex jipproteġi lilu nnifsu.

“Ir-riżenja tiegħu mhix biżżejjed. Issa wasal iż-żmien li jiġi interrogat mill-Pulizija dwar x’kien jaf u meta”.

It-Times of Malta qed tirrapporta li l-Prim Ministru ilu aktar minn 15-il xahar li kien jaf li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, seta’ kien suspettat fl-assassinju tal-ġurnalista. Ir-rapport jgħid ukoll li Joseph Muscat iffirma l-ordni lis-Servizzi Sigrieti f’Malta biex   it-telefonati ta’ Fenech jiġu ssorveljati. Dan minkejja li normalment huwa l-Ministru għall-Intern li jassumi r-responsabbiltà għal din il-miżura.

Sorsi diversi qalu mal-istess sit, li l-Prim Ministru ilu xhur jiġi infurmat kontinwament dwar l-investigazzjonijiet. Ikkuntattjat mit-Times, il-Prim Ministru qal li hu lest jikkummenta fid-dettall ladarba l-investigazzjonijiet jiġu konklużi. Madanakollu stqarr li ried “jikkjarifika” li l-aħħar li ltaqa’ ma’ Fenech kien “f’attività soċjali” fi Frar li għadda. It-Times qalet ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, kien qalilhom li l-aħħar ma ltaqa’ ma’ Fenech kien madwar sena ilu. Xejjen il-qlajjiet li kien iltaqa’ ma’ Fenech fuq jott is-sajf li għadda.