Muscat għandu jidher biss fid-depot – Repubblika

Ritratt: fb.com/JosephMuscat

Read in English.

L-għaqda Repubblika sostniet li fejn jidħlu l-isptarijiet li jinsabu f’idejn Steward Health Care, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat għandu jidher biss f’kamra tal-interrogazzjonijiet fil-kwartieri tal-Pulizija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, Repubblika qalet li trid li l-gvern idawwar lura l-privatizzazzjoni tal-Isptar Karin Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Talbet ukoll sabiex il-pulizija jingħataw ir-riżorsi kollha biex jinvestigaw u jaġixxu kontra persuni li “daħlu f’konfoffa kriminali biex jisirqu l-flus pubbliċi tal-Maltin u l-Għawdxin”.

L-għaqda sostniet li Joseph Muscat irreżenja minħabba l-korruzzjoni u għalhekk m’għandu jidher imkien viċin l-isforz biex tissewwa l-ħsara li għamel. Insistiet li iżda issa l-Prim Ministru Robert Abela għandu juri li hu veru kapaċi “jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn” biex il-pajjiż jitnaddaf mill-korruzzjoni.

“Ħu l-falliment ta’ Steward bħala opportunità”

Repubblika sostniet li l-Gvern għandu jieħu l-falliment ta’ Steward Health Care bħala opportunità biex “jikkanċella l-politika rigressiva tal-privatizzazzjoni tal-kura tas-saħħa medika u jreġġagħha lura għal operat tal-istat li għandu l-funzjoni ċentrali u inaljenabbli li jipprovdi lill-poplu kollu l-aqwa kura medika.”

L-għaqda spjegat li Steward Health Care ma rnexxilhiex tagħmel il-profitti li ħasbet li se tagħmel u se tkun qed titlob aktar flus.

Irrimarkat li l-Gvern messu jittermina l-kuntratt li għandu ma’ Steward u jibda proċess nadif mill-bidu, ‘il bogħod “mill-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-gvern preċedenti.”

Insistiet li mhux aċċettabbli li l-pubbliku għadu ma jafx ta’ min hi jew ta’ min kienet il-kumpanija Vitals Global Healthcare. Din kienet il-kumpanija li oriġinarjament xtrat it-tliet sptarijiet, iżda falliet milli taqdi dmirijietha. Liema sptarijiet imbagħad ġew mgħoddija għand Steward.

“Chris Fearne għandu jirreżenja”

L-għaqda rrimarkat li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien sejjaħ il-ftehim ma’ Steward bħala “this is the deal”. Sostniet li ladarba l-ftehim falla, mela Fearne għandu jirreżenja sabiex iħalli lil ħaddieħor jinnegozja l-ħruġ ta’ Steward.

“Jekk Steward ma jistax jagħti li wiegħed irid irodd lura li ħa” – PD

Intant, il-Partit Demokratiku sostna li ladarba Steward mhux qed jirnexxielu jwassal il-kura “ta’ klassi dinjija” bi prezz sodisfaċenti u fil-ħin, mela għandu jrodd lura l-konċessjoni li ngħata mill-Gvern.