Muscat għandu jgħaddi ċ-ċwievet ta’ Kastilja lid-Deputat – Repubblika

Read in English.

L-għaqda Repubblika qalet lill-Prim Ministru biex jgħaddi ċ-ċwievet ta’ Kastilja lid-Deputat tiegħu. Dan minħabba li skont l-istess għaqda, fil-messaġġ lin-nazzjon, Joseph Muscat irriżenja biex jibqa’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Repubblika qalet li Muscat hu fil-qalba tal-akbar skandlu fl-istorja politika ta’ Malta u saħqet li hemm bżonn li jkun investigat. Spjegaw li dan għandu jsir biex jiġu ppreservati l-provi.

Fl-istqarrija, Repubblika aċċenat għal dak li sejħet bħala “suspett raġjonevoli u serju li Joseph Muscat tal-anqas ħa sehem u qed jieħu sehem f’cover up biex jeħles lil sħabu mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia”.

Repubblika sejħet lill-Pulizija biex immedjatament titlob li tinfetaħ inkjesta maġisterjali biex jiġu ppreservati l-provi. Dawn għandhom jinkludi s-servers tal-email accounts li għandhu Joseph Muscat minbarra dak uffiċjali.

Saħqu li għandhom jiġu ppreservati l-provi mid-dar ta’ Joseph Muscat fejn Keith Schembri qatta’ l-aħħar lejl qabel ġie arrestat.

Qalu li b’Joseph Muscat f’Kastilja sat-12 ta’ Jannar se tkun ta’ theddida u insult għall-proċess tal-ġustizzja li Joseph Muscat illu jipperverti tlett snin u nofs.

Appellaw biex għada fl-4pm jkun hemm protesta quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta. Spjegaw li se jibqgħu jipprotestaw sakemm jitneħħew l-ostakli kollha għall-ġustizzja u l-verità sħiħa.