​Muscat għall-Awstralja f’April; ħafna jaqtgħu xewqithom

Ir-rivista onlajn Voice of The Maltese żvelat li l-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat se jkun qed iżur l-Awstralja f’April li ġej.
Skont ir-rivista din kienet ix-xewqa tal-kommunità Maltija fl-Awstralja sa mill-2013. Hi rrappurtat li Muscat se jkun akkumpanjat minn martu Michelle, mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.
Skont ir-rivista d-delegazzjoni se iżżur Brisbane, il-Kapitali ta’ Queensland. Imbagħad mistennija tattendi għall-ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth f’Queensland fl-4 ta’ April.
Bħalissa Muscat huwa ċ-Ċerpersin tal-Commonwealth.
Intqal li l-Prim Ministru mbagħad se jżur Melbourne, Belt li tospità l-akbar kommunità ta’ Maltin fl-Awstralja.
Muscat kien għamel żjara fl-Awstralja fl-2010 meta kien il-Kap tal-Oppożizzjoni.