Muscat għal spitzenkandidat? Żgur li le – PPE

Il-Partit Soċjalista Ewropew jista’ jinnomina lil min irid fit-tiġrija għall-President tal-Kummissjoni Ewropea iżda jekk jaħseb li Joseph Muscat għandu jkun innominat huwa sejjer żball. Din kienet ir-reazzjoni definittiva u qawwija  tal-Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) Dara Murphy għal mistoqsijiet li sarulu aktar kmieni minn Newsbook.com.mt.

Newsbook.com.mt staqsa din il-mistoqsija peress li skont sorsi differenti l-isem ta’ Muscat kien qed jissemma’ minn bosta persuni fi ħdan il-grupp Soċjalista bħala Spitzenkandidat jew il-kandidat preferut tagħhom għal kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea wara li jintemm il-perjodu tal-Kummissjoni mmexxija minn Juncker wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla. L-istess sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li dan ikun jaqbel mal-wegħda ta’ Muscat li mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’Malta.

Il-Viċi President tal-PPE Dara Murphy qal lil Newsbook.com.mt li hemm kwistjonijiet serji ħafna dwar l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni f’Malta wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dawn il-kwistjonijiet mhux qed ikunu indirizzati żied Murphy. Huwa qal li kull idea li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat għandu li jikkontesta għal President tal-Kummissjoni Ewropea mhix xierqa b’mod assolut qabel ma jkunu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

Dara Murphy qal li bir-rifjut ta’ Muscat milli jerġa’ jidher quddiem il-Parlament u n-nuqqas tiegħu ta’ responsabilità fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-istat tad-dritt, dan qed jagħmel in-nomina tiegħu kompletament mhux xierqa. Huwa qal li huwa naturali li s-soċjalisti jipproponu isem li għalihom huwa xieraq iżda din in-nomina mhux se tintlaqa’ b’ħeġġa kbira.