Muscat għal New York għal summit dwar il-paċi

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat jinsab fi triqtu lejn New York fl-Istati Uniti fejn se jattendi għat-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) u summit dwar il-paċi globali.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li se jiehdu sehem il-mexxejja ta’ aktar minn 120 pajjiż minn madwar id-dinja fl-Assemblea. L-Uffiċċju qal li “d-diskussjonijiet mistennija jiffukaw dwar it-tmexxija globali u l-qsim tar-responsabbiltajiet għal soċjetajiet sostenibbli li jgħixu fil-paċi u fl-ugwaljanza.”

Muscat se jipparteċipa f’summit dwar il-paċi globali li l-UN qed torganizza fl-okkażjoni tal-100 sena mit-twelid tal-eks President tal-Afrika ta’ Isfel Nelson Mandela.

Fi New York il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u mill-membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Glenn Bedingfield.