Muscat fl-Istati Uniti jippromwovi l-bejgħ tal-passaporti

passaport Malti

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat attenda l-Uglobal Immigration Convention f’Los Angeles fl-Istati Uniti fejn ippromwova l-programm Malti taċ-ċittadinanza b’investiment, jiġifieri l-bejgħ tal-passaporti.

Muscat ftaħar li Malta għandha l-aktar programm tal-bejgħ tal-passaporti għoli fid-dinja. Qal ukoll li Malta mhux qed tfittex l-aktar nies sinjuri, imma l-aħjar nies biex isiru ċittadini.

Il-Prim Ministru qal ukoll li dawk li ma jridux li isimhom jiġi ppublikat m’għandhomx jagħżlu l-programm Malti għax fi kliemu, “Malta tippubblika l-isem taċ-ċittadini l-ġodda”.

Il-Gvern jippubblika lista kull sena bl-ismijiet taċ-ċittadini Maltin ġodda, iżda l-lista ma tkunx tinkludi biss dawk li jkunu xtraw passaport.

L-investment migration qed joħloq aktar għarfien dwar in-negozji, l-esperjenzi, il-ħiliet, u l-fondi li qed jgħinu b’mod pożittiv lis-soċjetà Maltija skont il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi kliem Muscat, ma jistax jiġi kkalkulat s-suċċess attwali tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

“Irridu nkomplu nisħqu fuq it-trasparenza u l-governanza tajba fil-mod kif namministraw programmi f’din l-industrija” qal Muscat.

Skont Muscat, il-programm ta’ Malta huwa wkoll wieħed mill-aktar stretti fejn tidħol id-due diligence.

Muscat qal ukoll li l-programm ta’ Malta kien dak li ħoloq l-ogħla standard possibbli għall-programmi simili madwar id-dinja.