Muscat dwar Egrant, Mater Dei u l-iskejjel

Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li l-konklużjoni prinċipali tal-inkjesta Egrant hija li d-dokument kien iffalsifikat u mhux dak li qed tipprova tpinġi l-midja lokali. Qal li filwaqt li huwa kommess li jiġi ppubblikat id-dokument dwar l-inkjesta, irid iħalli lill-Pulizija tkompli bix-xogħol tagħha sabiex tinstab il-verità kollha.

Dan qalu waqt intervista ma’ Neil Azzopardi Ferriggi fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista.

Muscat sostna li min ipprova jqarraq bil-poplu Malti u Għawdxi bil-gidba ta’ Egrant, minflok skuża ruħu qed jaġixxi bl-attitudni ta’ “issa m’hemmx x’tagħmel”.

“Instabet soluzzjoni għall-ħaddiema li jużaw il-parkeġġ f’Mater Dei”

Il-Prim Ministru sostna li instabet soluzzjoni għall-ħaddiema li jużaw il-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei wara diskussjonijiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat.

Muscat qal li ma kienx sew li persuni fuq paga minima jkollhom iħallsu 75 ċenteżmu kuljum biex jipparkjaw il-karozzi tagħhom. Spjega li l-konklużjoni tal-ftehim wasslet sabiex tittieħed id-deċiżjoni li l-ħaddiema li jsuqu l-karozzi personali se jibqgħu jużaw il-parkeġġ b’xejn, filwaqt li dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku se jingħataw żieda ta’ €18.

“Għinu lil uliedkom biex ikomplu bl-iskola”

Muscat ħeġġeġ lill-ġenituri sabiex ma jħallux li uliedhom jieqfu mill-iskola bla raġuni ta’ xejn. Spjega li wieħed m’hemmx għalfejn li jmur il-Junior College jew l-Università bilfors iżda hemm bosta alternattivi oħrajn li jista’ jagħżel u li jistgħu iwassluh għal xogħlijiet b’paga aħjar.

“Għawdex bi sptar aqwa minn qatt qabel”

Muscat sostna li mill-investimenti ta’ Steward Healthcare u mill-iskola ta’ Barts, Għawdex se jkun qed jieħu spinta aktar ‘il quddiem. Irrimarka li dawn se jkunu qed iwasslu sabeix aktar nies imorru jgħixu Għawdex u biex il-kura fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex issir b’saħħitha daqs dik tal-Isptar Mater Dei.