“Muscat b’relazzjoni ħafna aħjar ma’ Delia milli ma’ Busuttil”

Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar stqarret li “hemm relazzjoni ħafna aktar tajba bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, milli dik li kien hemm fil-passat mal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.”
L-eks Sindku ta’ Ħal Qormi qalet dan meta llum kienet qed tieħu sehem fil-programm Follow Up fuq RTK 103FM ippreżentat minn Desmond Zammit Marmara u Norman Vella.
F’dan il-programm li sar fil-ħames anniversarju tal-elezzjoni tal-2013, kienu diskussi l-ewwel ħames snin ta’ Gvern Laburista. Flimkien ma’ Cutajar fl-istudio kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone.
Kemm Cutajar kif ukoll Schiavone ddikjaraw li jaqblu mal-bidla proposta mill-Gvern li l-Membri Parlamentari li jkunu eletti darba biss ikunu intitolati għall-pensjoni tal-Parlament.
Fil-programm intervjenew ukoll l-editur tal-gazzetta Illum Albert Gauci Cunningham u l-lettur Dr George Vital Zammit. It-tnejn li huma qablu li l-ikbar suċċessi miksuba minn Gvern Laburista kienu fl-ekonomija, filwaqt li l-iktar aspetti negattivi ta’ dawn il-ħames snin kellhom x’jaqsmu mal-governanza, it-trasparenza, il-meritokrazija u l-istituzzjonijiet.
Tista' tara l-programm sħiħ minn hawn.