Muscat b’argumenti razzisti – Graffitti

Il-Moviment Graffitti akkuża lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat li uża argumenti razzisti waqt id-dibattitu li kellu kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Skont il-Graffitti, l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem Muscat qal li ż-żgħażagħ Maltin iridhom isiru tobba u għalliema u mbagħad iġib lil min jgħin lill-ħaddiema fix-xemx tal-ġurnata. Il-Moviment Graffitti qal li Muscat qal li l-Maltin m’għandhomx jagħmlu ċertu xogħlijiet għax iqishom bħala inferjuri, u għalhekk għandhom isiru mill-barranin. L-attivisti qalu li dan id-diskors għandu jiġi kkundannat minn kulmin għandu ħjiel ta’ prinċipji xellugin u soċjalisti.

Muscat u Delia kellhom l-ewwel dibattitu politiku f’din il-kampanja elettorali, waqt il-programm XTRA fuq TVM. Fost is-suġġetti li ddiskutew kien hemm il-barranin f’Malta, l-ambjent, il-kostruzzjoni, il-mina bejn Malta u Għawdex, il-korruzzjoni, il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u l-emendi leġiżlattivi, kif ukoll ir-rapporti dwar Malta.

‘Mentalità bil-kontra ta’ dak li jgħid is-soċjaliżmu’

Il-Moviment qal li din it-tip ta’ mentalità hija l-oppost ta’ dak li dejjem iġġieled għalih is-soċjaliżmu. “Is-soċjaliżmu dejjem tħabat sabiex kull xogħol ikun dinjituż, kull ħaddiem jigi stmat irrispettivament mill-oriġini tiegħu, għaliex kull xogħol u kull ħaddiem huwa meħtieġ u importanti,” qal il-grupp.

Il-Moviment Graffitti żied jgħid li “huwa ferm inkwetanti li dan it-tip ta’ argument klassista u razzista qed jintuża sabiex jiġġustifika il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi diżastrużi li hawn f’ċertu setturi hawn Malta.”

L-attivisti qalu li l-Gvern qed jaqdi l-interessi tan-negozji l-kbar billi jagħtu l-impressjoni li l-barranin jistgħu jiġu sfruttati għaliex huma ta’ “inqas valur” mill-Maltin minflok itejjeb il-kundizzjonijiet.

Fi kliem il-Moviment Graffitti, b’pagi u b’kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena ibatu l-ħaddiema kollha – Maltin u barranin.