Muscat approva l-kuntratt ta’ €80,000 ta’ Mizzi

REUTERS/Vincent Kessler

Joseph Muscat kien dak li approva l-kuntratt ta’ €80,000 fis-sena ta’ Konrad Mizzi, skont sorsi fil-Gvern.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li Muscat approva l-kuntratt fil-kapiċità tiegħu ta’ Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu. Muscat ħa f’idejh il-portafoll ta’ Mizzi wara li dan irreżenja. Il-pakkett ta’ €80,000 ta’ konsulenza mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ġie żvelat mit-Times of Malta lbieraħ filgħaxija.

Illejla l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-kuntratt ta’ Mizzi se jiġi tterminat u mħassar b’effett immedjat.

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt qalu li dawk li pproponew il-kuntratt ippruvaw jiġġustifikawh billi rreferew għas-“suċċess” li kiseb bħala Ministru għat-Turiżmu fejn ir-rotti u l-passiġġieri żdiedu b’mod sinifikanti.

Ilbieraħ it-Times of Malta żvelat li l-eks Ministru għat-Turiżmu ngħata dan il-kuntratt f’Diċembru 2019, ġimagħtejn wara li rriżenja minn Ministru, fi żmien il-kriżi politika f’Malta.

Farrugia Portelli saħqet li “f’dan l-istadju l-Ministeru jista’ jikkonferma li qatt ma saru ħlasijiet b’rabta ma’ dan il-kuntratt”.

Dalgħodu, l-istess Ministru spjegat lill-ġurnalisti li kien ilbieraħ, it-Tnejn 27 ta’ Jannar li skopriet bil-kuntratt ta’ konsulenza li ngħata Mizzi.