Musbieħ għal Riġlejja

Mid-daħla għall-ktieb, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech jikteb li “kull darba li qrajt ir-riflessjonijiet ta’ Fr Paul Chetcuti rigward il-Liturġija tal-Kelma ta’ Jum il-Mulej, dejjem apprezzajt il-ħila tiegħu biex iħalli d-dawl tal-Vanġelu jinfed u jidħol fl-esperjenza tal-bniedem hekk li l-ġrajja tal-bniedem issir ġrajja ta’ salvazzjoni.
Fr Paul juża r-rakkont, l-istorja, il-fatt biex “jiltaqa’” mal-qarrej fil-mogħdijiet tal-esperjenzi tal-ħajja ta’ kuljum, u minn hemm jakkumpanjah ħalli “jxandarlu l-Evanġelju ta’ Ġesù” (cf. Atti 8:35).
F’kull riflessjoni, il-kurżità mqanqla mir-rakkont tal-bidu twassal biex ixxettel f’min jaqra l-kurżità kbira li kull bniedem għandu biex isib is-sens tal-ħajja tiegħu.
Dawn il-paġni juru l-qalb ta’ ragħaj li għandu l-kittieb li, għax hu qrib u għandu r-“riħa” tan-nagħaġ tiegħu, kapaċi jwasslilhom il-profondità tal- misteru ta’ Kristu bi kliem li jista’ jifhmu kulħadd.
Dan il-ktieb jista’ jkun utli għall-predikaturi kemm sabiex il-Kelma ta’ Alla tinfed il-qalb tagħhom kif ukoll bħala għodda li tgħinhom jiddakkru mill-istil dirett u mexxej ta’ dawn ir- rifessjonijiet u mil-lingwaġġ sempliċi tagħhom.
Fuq kollox dan il-ktieb huwa tajjeb għal kull min jixtieq iħalli lil Kristu jimxi miegħu u jfissirlu l-Iskrittura, l-istess kif għamel mad-dixxipli ta’ Għemmaws (cf. Lq 24:27).”