Mur obsor wara xiex hu miġnun Orlando Bloom!

Il-kantanta Katy Perry f’intervista li tat fi tmiem il-ġimgħa kixfet lejn xiex hu miġbud l-għarus tagħha, l-attur Orlando Bloom li għandu 43 sena. Waqt li kienet tirrakkonta ħajjitha ma’ Orlando Bloom bħalissa fiż-żmien tal-Covid-19, il-mara ta’ 35 sena semmiet il-fatt li l-maħbub tagħha hu miġnun għal-Lego.

Katy Perry qalet li fid-dar tagħhom hemm kamra dedikata għal kollox għall-passatemp ta’ Orlando Bloom. Il-kamra qabel kienet għat-televiżjoni imma malajr inbidlet għal-Lego għax kull ftit tal-ħin li jsib jintefa’ jgħaqqad xi oġġett, “aktar ma jkun tqil biex tagħmlu aħjar. Dan l-aħħar qed jagħmel mudelli tal-karozzi li ġieli dam jumejn biex ilestihom. Imbagħad jagħmilhom fuq l-ixkaffa biex jieħu pjaċir jarahom,” qalet Perry.

Il-kantanta semmiet li l-attur idum is-sigħat bil-lejl jibni bil-Lego. L-ikbar xewqa li għandu, skont hi, hi li bħalissa qed jaħseb biex jibni karozza għalih magħmula mill-blokki żgħar tal-plastik.

Katy Perry u Orlando Bloom iltaqgħu wara riċeviment li sar waqt il-Golden Globes ta’ erba’ snin ilu. Ftit wara għamlu sena sħiħa mifrudin iżda reġgħu saru ħbieb fl-2018 u tgħarrsu s-sena ta’ wara. F’Marzu li għadda Perry kkonfermat li kienet tqila waqt il-vidjo mużikali għas-single tagħha Nover Worn White. Ix-xahar li għadda ħabbru li kienu qed jistennew tarbija.