Mur il-Qrendi biex tgħin lid-Dar tal-Providenza

Il-Kumitat ta’ Radju 15 ta’Awwissu u s-Soċjetà Mużikali Santa Marija fil-Qrendi nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru se jorganizzaw ġurnata attivitajiet b’risq id-Dar tal-Providenza.

Fis-7.30am se tibda xandira diretta fuq l-istazzjon tal-Komunità 98.3FM. Il-pubbliku huwa mistieden biex imur jara kif jaħdem dan l-istazzjon tul din il-ġurnata.  Fid-9.30am fil-pjazza tal-Qrendi, se jkun hemm wirja ta’ karozzi Amerikani imtella mill-għaqda American Auto Club Malta, kif ukoll wirja ta’ Land Rovers imtella’ mill-għaqda Mud Fury Land Rover Club.

Quddiem il-Palazz ta’ Maria Assunta il-Banda Santa Marija se jkun qed jittella’ kunċert mużikali b’siltiet tal-Milied taħt it-tmexxija tas-Surmast direttur tal-banda Mro Gordon Baldacchino.

Matul din l-attività Santa Klaws se jkun qed idur u jqassam ir-rigali. L-għaqda qalet li se min jixtieq jista’ jieħu ritratt kemm miegħu kif ukoll mal-karozzi li se jkunu preżenti waqt din l-attività.

Matul din il-ġurnata se jkun hemm diversi ikel tax-xogħol relatat mal-Milied li se jkun ipprovdut mis-Sezzjoni Żgħażagħ tas-Soċjetà.

Dawn l-attivitajiet se jiġu fi tmiemhom flimkien mat-63 siegħa ta’ Xandir kontinwu li se jkunu qed jagħmlu erba’ DJs mill-istaff ta’ Radju 15 ta’ Awwissu. Dawn it-63 siegħa se jibdew mill-Ġimgħa 21 ta’ Diċembru sal-Ħadd 23 ta’ Diċembru.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jattendi għal din il-ġurnata b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-flus miġbura minn din l-attività se jiġu preżentati waqt il-maratona b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar 2019.