Muntanja ta’ żibel f’Marsalforn u fix-Xlendi

Il-Viċi Sindku taż-Żebbuġ Għawdex, Daniel Cordina, ħabbar fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook li l-Bring-in-site ta’ ħdejn il-prominade f’Marsalforn ġew imnaddfa wara li l-muntanja ta’ skart kien ilu ma jinġabar għal tliet ijiem. Huwa qal li s-servizz kien waqaf minħabba li l-kuntrattur kien għaddej b’diskussjonijiet mal-awtorità kkonċernata u kien għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil.

Ilbieraħ, Cordina ippubblika ritratti fuq il-paġna ta’ facebook tal-bring-in-site fejn kienu juru ammont konsiderevoli ta’ skart li saħansitra għatta l-iskips. Huwa appella lill-awtoritajiet ikkonċernati biex fl-interess tal-lokalita ta’ Marsalforn u r-residenti, jieħdu l-passi meħtieġa biex jitnaddaf. Huwa qal ukoll li dan il-ħmieġ jista’ jġib konsegwenzi koroh u li minnhom se jbau r-residenti.

Aktar tard, il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li l-Kunsill Lokali kellu l-obbligu bil-liġi li jirrapporta lill-ERA jekk is-servizz ma kienx qed jingħata kif suppost. Hija tenniet li l-Ministeru ta’ Għawdex qed iħallas għat-tieni ġabra ta’ boroż suwed u tindif ieħor, iżda l-bqija kellha tkun responsabbiltà tal-Kunsill. Skont il-Ministru, il-Kunsill jieħu fondi biex ikun jista’ jagħti s-servizz ta’ ġbir ta’ skart.  Hija qalet li mhux aċċettabli li għal kull nuqqas, jispiċċa jidħol il-Ministeru għal Għawdex fin-nofs, anka jekk ma tkunx ir-responsabbiltà tiegħu. Hija qalet li wara diskussjonijiet li saru, is-soluzzjoni nstabet.

Għal dan il-kumment, il-Viċi Sindku qal li l-Kunsill dejjem għamel dak li kien hemm bżonn, iżda din il-problema kellha tkun indirizzata mid-dipartiment risponsabbli għaliha u mhux mill-Kunsill Lokali.  Qal li l-problema mhix biss ta’ Marsalforn iżda teżisti wkoll f’numru ta’ lokalitaijiet oħra madwar Għawdex. Huwa qal li l-ġbir tal-boroż is-suwed kien dejjem isir mill-Ministeru, anka fi żmien gvernijiet preċedenti.

Is-Sindku tal-Munxar u x-Xlendi, Sonya Abela rringrazzjat lill-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana tal-ħidma tagħha biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-iskart li hemm f’Għawdex. Hija qalet li għalkemm il-Ministeru offra l-għajnuna tieħu, skont il-liġi, din hija responsabbiltà tal-ERA.  Ix-Xlendi qed jaffaċċja l-istess problema ta’ skart bħal Marsalforn. Dan jidher biċ-ċar f’ritratti li tellgħat is-Sindku fuq il-paġna tagħha, fejn tidher muntanja oħra ta’ skart fuq il-bankina ħdejn il-Bring-in-sites.