Munita ġdida tfakkar l-għoti tad-dritt tal-vot lin-nisa Maltin 70 sena ilu

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ munita ġdida tal-fidda li tfakkar is-sebgħin anniversarju minn meta ngħata d-dritt tal-vot universali lil kull Malti li kellu aktar minn 21 sena fil-Kostituzzjoni tal-1947.
Għan-nisa Maltin, dan kien ifisser li, għall-ewwel darba, setgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ bejn il-25 u s-27 ta’ Ottubru 1947.
Fil-fatt, minn 140,703 votant eliġibbli, 54% kienu nisa.
Din kienet l-ewwel minn għaxar elezzjonijiet konsekuttivi li Agatha Barbara, li kienet waħda miż-żewġ kandidati nisa, ikkontestat b’suċċess.
Barbara kienet inħatret bħala ministru tal-kabinett ħames darbiet, u kienet l-ewwel mara Maltija li saret president tar-Repubblika fl-1982.
Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, turi id qed titfa’ vot ġo kaxxa tal-voti, filwaqt li fl-isfond tidher kitba mill-Kostituzzjoni tal-1947 li tispeċifika li kull min għandu aktar minn 21 sena huwa eliġibbli biex jivvota.
Il-munita għandha valur nominali ta’ €10, u hija maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru.
L-elf munita li mistennija jiġu stampati jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mis-sit elettroniku tal‑MCC, għall‑prezz ta’ €60.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jibgħat ittra elettronika lill-Malta Coin Centre fuq mcc@centralbankmalta.org jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.