MUMN tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Gvern minħabba l-UĦM

Read in English.

L-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Gvern, biex ma jaċċettax it-talba li qed issir mill-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) biex ikollhom r-rikonoxximent tal-ħaddiema fl-Allied Health Professionals.

Dan għaliex l-MUMN, f’Settembru li għadda, kienet ingħatat ir-rikonoxximent uffiċjali tal-Fiżjoterapisti li jaħdmu fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa, li jaqgħu taħt il-klassifikazzjoni tal-Allied Health Professionals. L-Avukat tal-Union, Dr Chris Cilia, qal li t-talba tal-UĦM għar-rikonoxximent tal-Allied Health Professionals tmur kontra d-dritt tal-ħaddiema li jissieħbu f’għaqda trejd-unjonistika tal-għażla tagħhom, għax qegħdin jiġu sfurzati jingħaqdu mal-UĦM minkejja li huma membri tal-MUMN.

F’Ġunju li għadda, l-UĦM ħarġet stqarrija biex tesprimi d-diżappunt tagħha li l-Gvern prova jaqbiżha u jinnegozja ma’ ħaddieħor filwaqt li ssottometta kontroproposti wara sentejn għal għadd ta’ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.

Kienet qalet li l-UĦM bagħtet proposti ġodda sabiex jiġi nnegozjat ftehim settorjali ġdid għal 10 professjonijiet li jinkludu dentisti, fiżjoterapisti, occupational therapists, speech therapists, radiographers, podiatrists u xjentisti mal-Laboratorju Mediku.

L-Unjin qalet li l-Gvern, wara sentejn, bagħat proposti li mhux biss ipoġġi lil dawn il-professjonisti f’sitwazzjoni agħar minn professjonisti inqas kwalifikati minnhom, imma lanqas ma żamm mal-istess parametri ta’ klassijiet li normalment jintużaw.

Min-naħa tagħhom, l-MUMN saħqet li l-Gvern kien qiegħed juża “sistema kawlata” fejn jidħlu n-negozjati ta’ ftehim kollettiv tal-ħaddiema peress li qiegħed jinnegozja ftehim wieħed ma’ ħaddiema b’karigi u bi professjonijiet differenti. Dr Cilia qal li dan il-format ta’ one-size-fits-all ma jagħmilx sens: Il-fiżjoterapisti għandhom bżonnijiet speċifiċi li huma totalment differenti minn dawk tal-infermiera, u viċi versa.