Awdjo: Tfal esposti għal abbuż fiżiku u sesswali f’Monte Karmeli

Reazzjoni tal-Gvern

Il-Ministeru tas-Saħħa fi stqarrija qal li t-tħassib tal-MUMN, jirreferi għall-Young People’s Unit (YPU), fejn tfal u adoloxxenti jinżammu taħt care order.

Il-Ministru tas-Saħħa diġà ltaqa’ personalment ma’ dawn it-tfal u l-adoloxxenti u t-tim ta’ professjonisti li jieħdu ħsiebhom, f’żewġ okkażjonijiet separati fl-aħħar xahrejn.

Barra minn hekk il-Ministeru tas-Saħħa qed jaħdem fuq proġett li jassigura li t-tfal u l-adoloxxenti ma jiġux ittimbrati, permezz ta’ bini fl-isptar Monte Karmeli fejn jiġi assigurat li jingħataw l-aqwa kura possibbli.

Il-Ministeru jgħid ukoll li hekk kif l-MUMN ħarġet l-istqarrija tagħha, il-Ministeru tas-Saħħa rrapporta din l-allegazzjoni lill-Kummissarju tas-Saħħa Mentali, biex it-tmexxija tal-Isptar tieħu l-passi neċessarji biex tassigura s-saħħa u s-sigurtà ta’ dan il-grupp vulnerabbli.

Aktar kmieni

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel tisħaq li mhuwiex aċċettabli li tfal taħt is-16-il sena qed jitpoġġew ma’ adulti f’ċerti swali fl-Isptar Monte Karmeli, bil-konsegwenza li qed jiġu esposti għal abbuż sesswali u anke ta’ vjolenza fiżika.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ moħbija u li tinsab urtata bil-fatt li l-Ministru tas-Saħħa huwa aktar ikkonċentrat fuq proġetti estravaganti bħall-ippjanar ta’ bini ta’ sptar mentali ġdid, imbagħad ma jagħtix każ is-sitwazzjoni preżenti f’Monte Karmeli, fejn vittmi tad-droga, tfal u pazjenti b’diversi mard mentali qed jingħataw il-kura fl-istess swali.

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li jkun aħjar kieku l-Ministru tas-Saħħa jimxi fuq il-passi tal-Ministru responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u jibda jagħmel xogħol ta’ tisbieħ u jżid partijiet oħra mal-Isptar Monte Karmeli.

L-MUMN sostniet li l-proċess fuq dawn il-wings ġodda waqaf taħt l-amministrazzjoni preżenti minħabba raġunijiet finanzjarji, għad-detriment tal-infermiera u l-pazjenti.

Qalet ukoll li l-Ministeru tas-Saħħa m’għandux flus għal tisbieħ fl-Isptar Monte Karmeli iżda min-naħa l-oħra għandu l-intenzjoni li jibni sptar ġdid.

Skont il-union problema oħra fl-isptar Monte Karmeli huwa n-nuqqas kbir ta’ sodod għall-pazjenti vittmi tad-droga.