“Mummy, agħtini pillola ħa mmut” – tifel bil-ġenituri qed jisseparaw

Sitwazzjoni fil-familja wasslet tifel jitlob lil ommu tagħtih pillola biex imut.

Din hija waħda mill-esperjenzi li rrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-konsulent tal-Kriżijiet u jmexxi lil Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb. Stqarr kif omm u missier it-tifel kienu qed jisseparaw u kienu qed jiġġieldu għall-kustodja tat-tfal.

Il-psikjatra spjega kif il-missier ċempel lil omm waqt li kienet qed issuq, u peress li l-mowbajl kien imqabbad mal-ispeakers tal-karozza, it-tfal semgħu kollox.

Kompla jgħid li l-missier beda jgħajat u juża kliem oxxen, waqt li beda jgħidilha li l-kustodja tat-tfal hi dritt legali tiegħu.  L-omm ippruvat tgħid lir-raġel li hemm it-tfal fil-karozza li qed jisimgħu kollox, imma kien ta’ xejn.

Skont Dr Xuereb, din l-esperjenza trawmatizzat lit-tfal, bit-tifel spiċċa jbati bi msarnu. Kien wara din l-esperjenza li t-tifel qal lil ommu, “Mummy, agħtini pillola ħa mmut”.

Il-psikjatra appella lill-ġenituri biex f’sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma komuni ferm, joqogħdu attenti.

Fisser li filwaqt li huma jkunu qegħdin jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, jistgħu joħonqu, ikissru, ikasbru u jumiljaw  lit-tfal. Din tista’ twassal għar-rovina permanenti taż-żgħażagħ, li f’ċertu livelli tista’ tirriżulta f’suwiċidju.

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.