Mumenti fil-ħajja li jħalluk f’riskju li żżid fil-piż

Hemm mumenti fil-ħajja meta wieħed ikun f’riskju akbar li jiżdied fil-piż. Madanakollu hemm metodi kif wieħed jista’ jikkumbatti kontra dawn il-mumenti biex ma jaqax f’dan ir-riskju.

Pubertà

It-tfajliet naturalment jiżdiedu fil-piż f’dan iż-żmien hekk kif iċ-ċelloli tax-xaħam jiżdiedu kemm fil-kobor u anke fin-numru. Dan ikkonfermatu esperta nutrizzjonali, Dr Marilyn Glenville li kitbet ktieb dwar dan. Żmien il-pubertà iwassal għal tibdiliet fl-għamla tal-ġisem u dawn it-tibdiliet iwasslu għall-bidu tal-mestruazzjoni fil-mara.

Skont esperti wieħed ma għandux jinkwieta dwar żieda fil-piż f’dan il-perjodu tal-ħajja u kemm jista’ jkun jevita li jiġi affettwat mill-imaġni li toħloq il-midja ta’ ġisem perfett.

Meta wieħed imur jgħix għal rasu jew jibda jistudja

Meta wieħed imur jgħix għal rasu, jew jibda jistudja f’xi Università jew skola ta’ edukazzjoni terzjarja, jibda jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ kultura ta’ stress, xorb u ċiklu ta’ ikliet mhux tajbin għas-saħħa.

Mod kif wieħed jikkumbatti dan l-aġir huwa li jgħallem lill-uliedu minn età żgħira kif isajjru ikliet bażiċi. Dan b’mod speċjali wara li studju f’Sainsbury sab li aktar minn terz tal-istudenti lanqas huma kapaċi jgħallu bajda.

Tqala

Nisa tqal huwa faċli aktar għalihom li jżidu fil-piż waqt tqala. Dan ma jinkludix biss il-piż tat-tarbija iżda l-ġisem ikun qed iżomm fih żewġ litri żejda ta’ demm, kif ukoll jippreserva x-xaħam għall-enerġija u anke għall-ħalib tas-sider.

Mod kif wieħed jikkumbatti dan huwa billi jiffoka aktar fuq nutrienti milli l-piż. Importanti li wieħed jibqa’ attiv permezz tal-għawn u l-mixi.

Żwieġ

Meta koppja tiżżewweġ u jibdew jgħixu flimkien, instab li l-maġġoranza tagħhom iżidu mat-tliet kilogrammi fil-piż fl-ewwel sena taż-żwieġ. Dan hekk kif ħafna jibdlu l-mod kif jieklu biex jaqblu ma’ dak tas-sieħeb jew sieħba tagħhom, anke jekk ikun ħafna akbar fil-porzjon milli jkunu jieklu normalment.

Mod kif tikkumbatti dan huwa billi ħafna mill-ikel jissajjar fid-dar u l-persuni individwali jieklu skont kemm għandhom bżonn u normalment jieklu. L-eżerċizzju jgħin ukoll.

Meta fix-xogħol tagħmel ġranet bilqiegħda

Persuni li jaħdmu f’uffiċini jispiċċaw jiżdiedu man-nofs kilo fil-piż fl-ewwel sena, hekk kif bosta jammettu li jagħmlu minn tal-inqas tmien siegħat bilqiegħda kuljum. Ħafna jispiċċaw jieklu ħelu, kejkijiet u affarijiet oħra li jġibu l-kollegi tagħhom fl-uffiċini.

Mod kif tikkumbatti dan huwa billi tqum meta tkun qed twieġeb it-telefown, tieħu ikel miegħek mid-dar minflok tixtri minn fuq ix-xogħol, tuża t-taraġ minflok lift u tgħaddi messaġġi b’mod verbali minflok tibgħat imejl.

Meta wieħed jieqaf ipejjep

Meta wieħed jieqaf ipejjep jispiċċa jiżdied medja ta’ 10 kilogrammi f’sena skont riċerka tal-Università ta’ Birmingham. It-tipjip jgħaġġel il-metaboliżmu tal-ġisem u jaħraq il-kaloriji tal-ġisem aktar malajr filwaqt li jnaqqas il-ġuħ.

Biex tikkumbatti dan għamel l-eżerċizzju b’mod regolari u kkumbatti l-ġuħ billi żżomm xi ikel bħal lewż u frott viċin.

Meta wieħed jasal għall-40

Meta wieħed jasal għall-40 jasal f’punt f’ħajtu fejn ikun hemm bżonn tibdil fil-mod kif jiekol, madanakollu ħafna jibqgħu jieklu bl-istess mod ta’ meta kienu għadhom żgħażagħ u dan jaffetwa l-piż tal-ġisem.

F’dan iż-żmien wieħed għandu jiekol aktar proteina u jagħmel aktar eżerċizzju sabiex iżomm il-muskoli tal-ġisem f’saħħithom. Dan minbarra li wieħed jorqod tajjeb bil-lejl.