Mument ta’ verità għall-Amerka

REUTERS/Lucas Jackson

L-attivist prominenti tad-drittijiet ċivili, ir-Reverendu Al Sharpton sostna li l-qtil ta’ George Floyd mill-pulizija u l-protesti madwar il-pajjiż kollu kienu jirrappreżentaw mument tal-verità għall-Istati Uniti dwar ir-razza u l-ġustizzja.

Għall-għaxar ġurnata konsekuttiva, bosta persuni fakkru l-memorja ta’ Floyd f’Minneapolis, fejn inqatel fil-25 ta’ Mejju, u f’Brooklyn, fi New York, kif ukoll fi bliet oħra bħal Atlanta, Washington D.C., Denver, Detroit u Los Angeles.

Il-protesti, filwaqt li kienu storbjużi, fil-parti l-kbira rrispettaw l-ordni, b’kuntrast mal-iljieli ta’ qabel fejn kien hemm konfrontazzjoni mal-forzi tal-ordni, ħruq ta’ karozzi u ħwienet u anke serq minn dawn tal-aħħar.

Il-bidla fl-atmosfera jidher li rriflettiet determinazzjoni minn bosta dimostranti u organizzaturi fl-aħħar jiem li jibdlu r-rabja bil-mewt ta’ Floyd f’tiġdid tal-moviment tad-drittijiet ċivili u fit-talba għal riforma fis-sistema ġudizzjarja Amerikana.

“Dan hu moment storiku u xi darba se jkolli t-tfal, u hu jew hi se tistaqsini x’għamilt fil-qawmien tal-2020, waqt ir-rebbiegħa Amerikana”, qalet Nana Mensah, kittieba żagħżugħa minn Brooklyn. Hi żammet powster li sostna: “Intom iffurtanti li kull ma rridu huwa l-ugwaljanza u mhux vendetta”.

Fil-kapitali lbieraħ filgħaxija, mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni nġabru għal attività ħdejn il-Lincoln Memorial, fejn baqgħat tidwi l-għajta “Say his name – George Floyd,” qabel ma maltempata qawwija li ferrxet il-folla.

Grupp ieħor ta’ dimostranti nġabru qrib il-White House fejn kien hemm numru ta’ ħaddiema jtellgħu aktar barriers tal-konkrit qrib ir-residenza presidenzjali. Kien hawnhekk li Sharpton sostna li Floyd issimbolizza l-esperjenza tal-brutalità tal-pulizija fil-konfront tal-Afro-Amerikani.

“George Floyd ma kellux imut hekk. Hu ma mietx b’kundizzjonijiet normali tas-saħħa. Miet għax is-sistema tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Uniti ma taħdimx. Irridu nqumu fuq saqajna f’isem George”. 

Il-persuni li attendew biex ifakkru l-mewt ta’ Floyd żammew tmien minuti u 46 sekonda ta’ silenzju, il-ħin li Floyd dam fi triq f’Minneapolis bl-irkobba ta’ pulizja fuq għonqu.

Ir-rabja u d-daqs tal-protesti madwar il-pajjiż jidher li naqsu xi ftit wara li l-awtoritajiet eskalaw l-akkużi ta’ qtil kontra l-uffiċjal tal-pulizija arrestat il-ġimgħa li għaddiet u arrestat tliet pulizija oħra akkużati li għenu u għattew lil tal-ewwel.

Ilbieraħ, dawn it-tlieta dehru l-qorti għall-ewewl darba u ngħataw il-libertà provviżorja bi pleġġ ta’ 750,000 dollaru kull wieħed. L-akkużat prinċipali, Derek Chauvin, 44, mistenni jitressaq il-qroti nhar it-Tnejn. Huwa l-uffiċjal tal-pulizija li fil-filmat jidher iserraħ irkobbtu fuq għonq Floyd minkejja li dan tal-aħħar ripetutament qallu li ma setax jieħu nifs.

L-erba’ uffiċjali tkeċċew mid-dipartiment tal-pulizija mill-għada tal-mewt ta’ Floyd jistgħu jeħlu sa 40 sena ħabs jekk jinstabu ħatja tal-aktar akkużi serji li hemm kontrihom.

Floyd, li huwa oriġinarjament minn Houston, kien jaħdem bħala security ma’ diversi klabbs u diskoteki, ma kienx armat meta kien arrestat ħdejn ħanut tal-merċa wara li impjegat kien ressaq rapport li persuna kienet pruvat tħallas għas-sigaretti b’karta tal-flus falza.

Ħuħ Terrence, ingħaqad mal-velja ta’ tifkira b’Brooklyn, fejn bosta niżlu fuq għarkubbtejhom bħala sinjal ta’ protesta u kantaw “No justice, no peace.”

Huwa appella lill-pubbliku biex ikomplu jfittxu l-ġustizzja iżda biex jevitaw il-vjolenza u insista li “Ħija ma kienx hekk.”