Mument ta’ biża’ għal Trump f’Nevada

Hekk kif baqa’ jumejn għall-elezzjoni presidenzjali Amerikana, għal ftit ħin, il-kandidat Repubblikan Donald Trump inħakem mill-biża’ hekk kif twaqqaf milli jkompli diskorsu minħabba raġel li kien maħsub li kellu fuqu pistola. 
Waqt laqgħa mas-sostenituri tiegħu f’Reno f’Nevada, membri tas-Servizzi tas-Sigurtà daħħlu lil Trump fuq wara tal-palk u marru għal raġel li kien fis-sala. 
Is-Servizzi tas-Sigurtà ħasbu li r-raġel kien armat iżda waqt it-tifittxija ma sabulu xejn.  Jidher li r-raġel arrestat hu Repubblikan, li iżda qal ma jiflaħx lil Trump jitkellem. 
Min-naħa l-oħra, aħbarijiet pożittivi għall-kandidata Demokratika Hillary Clinton, hekk kif skont in-“New York Times”, Clinton mistennija tiġbor ħafna voti minn dawk ta’ oriġini Spanjola li jgħixu fi Florida, fejn ħafna minn dawk li se jivvutaw qabel, mistennija jagħtu l-vot tagħhom lid-Demokratika.  
Is-Sibt, Clinton żaret Florida, fejn iltaqgħet ma’ komunitajiet ta’ immigranti u anke għamlet diskors lid-Demokratiċi, f’belt fejn il-maġġoranza tan-nies huma migranti mill-Karibew u Ispaniċi.