“Mument storiku mill-Arċisqof; imiss pass ieħor”

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca ddeskriviet bħala mument f’waqtu u storiku, il-ġest tal-Arċisqof Charles Scicluna li nhar is-Sibt li għadda, f’isem il-Knisja talab maħfra u skuża tal-ħitan li nbnew biex infirdu l-mejtin. Hija rringrazzjat lill-Arċisqof talli għamel dan u kompliet tgħid li “ż-żmien ta’ rikonċiljazzjoni xi darba ried jiġi”.

F’konċelebrazzjoni fil-kappella taċ-ċimiterju tal-Addolorata, Mons. Scicluna kien qed jirreferi għad-dfin f’art mhux ikkonsagrata fis-Snin 60 u li kienet magħrufa bħala Il-Miżbla fejn huwa stmat li minħabba l-kwistjoni politiko-reliġjuża ndifnu sa massimu ta’ seba’ persuni.Wara l-quddiesa l-Arċisqof bierek l-oqbra kollha.

Filmat: L-Arċisqof jitlob maħfra għall-ħitan li nbnew mal-mejtin

Intervistata minn Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103, il-President Emeritu esprimiet il-ferħ li ħasset hekk kif qrat l-aħbar. Fissret li hi esperjenzat uġigħ ta’ nies ġenwini li tilfu lil qrabathom u ndifnu “ġol-miżbla”. Semmiet mara “tajba, tal-familja, li ttajret minn karozza hi u ħierġa mill-knisja u wkoll indifnet fil-miżbla”.

Filwaqt li kkwotat kliem l-Arċisqof Scicluna, Coleiro Preca sostniet li dan kien uġigħ soċjali, għax ħafna nies kienu jħossuhom esklużi. Stqarret li kien hemm mejtin tal-ewwel klassi u tal-aħħar klassi.

“Sejħu lill-qraba ta’ min indifen fil-miżbla”

Irringrazzjat lill-Arċisqof ukoll għall-fatt li talab maħfra. “Iż-żmien ta’ rikonċiljazzjoni xi darba ried jiġi”, kompliet tgħid.

Il-President Emeritu saħqet li pass ieħor li jrid isir hu li l-Knisja ssejjaħ lill-qraba ta’ dawk li ndifnu f’din il-parti taċ-ċimiterju, “biex verament iħossu li l-Knisja Kattolika f’Malta għandha l-bibien miftuħa”.

“Tebgħa fuq l-Ewropa kollha”

Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li l-immigranti midfuna fl-Addolorata huma biss the tip of the iceberg ta’ ċimiterju tal-massa fil-Baħar Mediterran.

“Qalbi tingħafas ħafna li hemm ommijiet u missirijiet ta’ dawn in-nies li ma nafux isimhom, għandna għalxiex jiddispjaċina” irrimarkat il-President Emeritu, filwaqt li ddeskriviet il-kwistjoni tal-immigrazzjoni bħala “tebgħa fuq l-Ewropa kollha”.

Fakkret li dawn in-nies fittxew il-wens mill-persekuzzjoni u mill-kunflitt, bħalma għamlu l-Maltin minħabba s-sitwazzjoni ekonomiku tal-pajjiż. Irriflettiet dwar id-dulur li għaddew minnu l-Maltin li ssetiljaw fl-Awstralja. “Iltqajt ma’ Maltin li qaluli li marru b’vapur u l-awtoritajiet ħallewhom barra l-port għax għalihom il-Maltin mhumiex bjondi”.

Saħqet li Malta ma tistax tintilef biss f’dak li jinteressaha fl-immedjat, imma trid titratta n-nies bħala bnedmin.