Mumbai: Stupru ieħor … din id-darba fotografa ta’ 23 sena

Ma jaqtgħu xejn il-każi ta’ abbużi sesswali fl-Indja. 

L-aħħar każ ta’ stupru ġara lbieraħ filgħaxija fil-belt ta' Mumbai. Fotografa ta’ 23 sena ġiet stuprata minn grupp ta’ ħamest irġiel waqt li kienet qed tiġbed xi ritratti f’żona industrijali ta’ Lower Parel, li tinsab fil-parti storika tal-belt. 

Dak il-ħin kien hemm ukoll il-kollega tagħha. Jidher li l-irġiel daħlu fil-mitħna bl-iskuża biex iwiddbuha li daħlet fi proprjetà privata. 

Tnejn minnhom qabdu lill-kollega tagħha, rabtuh u sawtuh filwaqt li t-tlieta l-oħra poġġew lit-tfajla f’kantuniera u abbużawha sesswalment.

 It-tfajla ttieħdet l-isptar wara li kellha ħafna feriti.

Skont it-tobba l-kundizzjoni ta’ saħħitha hi stabbli.