Multigas tħabbar ir-rebbieħa tat-teżijiet dwar l-ambjent

Multigas Limited ta’ Ħal Kirkop sponsorjat kompetizzjoni marbuta ma’ teżijiet dwar l-ambjent bit-tema ‘Jibbenefikaw/Jipproteġu l-Ambjent’ (‘Benefitting/Protecting the Environment’). Dan għamlitu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tad-90 anniversarju tagħha fil-manifattura u s-servizzi tal-gass industrijali.
Il-kompetizzjoni, li saret b’kollaborazzjoni mal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta, attirat 14-il parteċipant.  L-għan ewlieni tal-Istitut hu li jwettaq riċerka inter-dixxiplinarja li tappoġġja u tinfluwenza deċiżjonijiet ta’ politika prattika dwar l-ambjent u l-loġistika soċjali.
Permezz tal-għażla tas-suġġetti rispettivi tagħhom, it-tliet teżijiet rebbieħa wrew kif dawn it-teżijiet jistgħu jkunu applikati b’mod prattiku fi tliet oqsma ewlenin, iżda differenti.  
L-ewwel premju ntrebaħ minn Sara Hazzard għat-teżi tagħha bl-isem ‘Inwaqqfu d-drawwa – id-drawwa tal-użu tal-vettura flimkien man-norma personali: implikazzjonijiet għal Malta’,  (Interrupting Habit – Car-Use Habit and Personal Norm combined: Implications for Malta). Deborah Mifsud kisbet it-tieni post bit-teżi tagħha: ‘Ir-rwol tat-trasport pubbliku biex jindirizza l-mobiltà sostenibbli għall-popolazzjoni anzjana f’Malta’ (The Role of Public Transport in addressing Sustainable Mobility for the Elderly Population in Malta), filwaqt li t-teżi ta’ Johann Attard imsemmija ‘Valutazzjoni tas-sistemi tal-informatika dwar parteċipazzjoni fuq bażi ġeografika fl-inizjattiva ecoGozo’ (Assessing Participatory Geographic Information Systems for the ecoGozo Initiative), kisbet it-tielet post.
Il-premjijiet kienu jikkonsistu f’€1,500 għall-ewwel premju, u €1,250 u €500 għat-tieni u t-tielet post rispettivament.
Il-preżentazzjoni tal-premjijiet saret mid-Direttur ta’ Multigas Limited, Mark Miceli Farrugia fil-faċilità tal-Multigas f’Ħal Kirkop.
Għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll preżenti l-Kap Eżekuttiv ta’ Multigas l-Inġinier Michael Mifsud, il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Saviour Zammit, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ġeografija fil-Fakultà tal-Arti u d-Direttriċi tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u Żvilupp Sostenibbli, il-Professur Maria Attard, li mexxiet il-kompetizzjoni tat-teżijiet.