Multi għal min jgħaffeġ bil-Malti fix-xandir

L-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qed jappellaw biex min jidher, jitkellem jew jaħdem fuq it-televiżjoni u fuq ir-radju għandu joqgħod b’seba’ mitt għajn fuq kif juża l-Malti mxandar.
Minħabba l-kritika li ssir minn żmien għal żmien, l-Awtorità se tkun qed tipproponi reviżjoni fil-multi lill-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni.
Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni biex ikun hemm emenda fil-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, l-Awtorità qed tipproponi biex ma jkunx hemm multa fissa ta’ €2,330.  Minflok, ikun hemm multa li tibda minn €350 u dejjem tiżdied b’20% sa massimu ta’ €2,330.
Jidher li l-idea li kull stazzjon ikollu konsulent tal-Malti ma ħadmitx għax xorta waħda baqgħu jsiru żbalji fil-programmi edukattivi, tat-tfal u dawk informattivi bħalma huma l-aħbarijiet u programmmi ta’ tisjir u moda.
L-Awtorità u l-Kunsill tal-Malti qed jistennew li:

  • Il-grafika tal-programmi fuq it-televiżjoni jkollha ortografija bit-tipi tal-Malti
  • Dawk li jagħmlu r-reklami u l-programmi tat-telebejgħ jgħidu u jiktbu b’Malti sew il-qisien, l-etajiet, il-prezzijiet, in-numri ta’ kuntatt, l-ismijiet ta’ lwien u l-lokalitajiet
  • Dawk li jaħdmu fuq ir-radju għandu jkollhom pronunzja korretta u ċara  u sentenzi mibnija tajjeb mingħajr taħlit ta’ lingwa

L-Awtorità qed tistieden lill-istazzjonijiet tax-xandir tat-televiżjoni, tar-radju, id-djar tal-produzzjoni u l-aġenziji tar-reklamar biex sal-1 ta' Ottubru jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-bdil fl-Avviż legali dwar il-Malti fix-xandir.