“Multi eħrex jew jingħalaq l-istaġun tal-kaċċa” – AD

Il-kelliem għall-Agrikoltura u l-Benessri tal-Annimali, Simon Galea, qal li kaċċaturi li jiksru liġi għandhom jingħataw multi eħrex, jew inkella l-Gvern għandu jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa, kif kien wiegħed il-Prim Ministru.
Dan jikkuntrasta ferm ma’ kliem is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri, li x-xahar li għadda assigura lill-kaċċaturi li se jonqsu l-multi kontra l-kaċċa illegali.
Waqt l-attività Migration Watch, organizzata minn BirdLife Malta, Galea qal li inċidenti ta’ kaċċa illegali qed jiżdiedu, għad-detriment tal-pubbliku li ma jibqax igawdi t-tajr protett kif ukoll tal-kaċċaturi responsabbli, li qed jeħlu ma’ dawk li jiksru l-liġi.
Galea spjega li l-kaċċaturi ta’ rieda tajba għandhom jingħaqdu, u joħolqu regolamenti li jorbtu li kull kaċċatur li jirrapporta l-illegalitajiet li jkun jaf bihom.   
Iċ-Ċermen tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, qabel ma’ kliem Galea, hekk kif sostna li x-xogħol siewi tal-BirdLife għall-konservazzjoni ta’ għasafar slavaġ u protetti qed jiġi mhedded minn kaċċaturi illegali u irresponsabbli, li mhumiex iħallsu biżżejjed għall-azzjonijiet tagħhom. 
Ritratt: BirdLife Malta