Multa wara li saq bl-addoċċ u gidem pulizija

Raġel ta’ 31 sena minn San Ġwann ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena, kif ukoll immultatu €1,000 wara li gidem uffiċjal tal-Pulizija u m’obdiex minn dak li qallu.
Carlos Gauci ġie akkużat li lbieraħ, fi Triq ix-Xatt il-Birgu, għall-ħabta tal-5pm m’obdiex struzzjonijiet li ngħatawlu minn ħames pulizija wara li nnutaw li beda jsuq b’mod mhux responsabbli.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kellu xi jgħid mat-tfajla tiegħu, u qabad isegwiha bil-karozza meta raha tielgħa fuq tal-linja.
Jidher li xħin il-pulizija ppruvaw iwaqqfuh, Gauci heddidhom bi kliem dispreġġjattiv u oxxen, imbagħad ħebb għal wieħed minnhom u gidmu. Dan kollu ġara quddiem dar residenzjali l-Birgu.
Il-Qorti ġiet ippreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, li kkunsidra li Gauci għandu kondotta nadifa, kif ukoll ammetta mill-ewwel l-akkużi miġjuba kontrih. Barra minn hekk, il-gdim fuq l-uffiċjal ma kkawżalux danni serji. Gauci nstema’ jgħid ukoll li lest iħallas għall-uniformi tal-uffiċjal.
Apparti l-kundanna msemmija, Gauci ma jistax jersaq lejn l-uffiċjali involuti, kif ukoll lejn il-qraba tat-tfajla għal sena. Itteħditlu wkoll il-liċenzja għall-istess żmien stipulat.