Multa u sentenza sospiża talli darab ħafif pulizija

Stacey Wayne Wright ta’ 21 sena minn New Zealand ingħata sentenza sospiża u multa wara li ammetta li weġġa’ ħafif uffiċjali tal-Pulizija.
L-inċident seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu ġo lukanda f’Paceville. Jidher li ż-żagħżugħ mar ifittex mara sabiex ikompli argument li kellu magħha qabel.
Huwa fajjar daqqa ta’ ponn lill-uffiċjal xħin dan mar biex jikkalma s-sitwazzjoni.
Id-difiża qalet fil-Qorti li minbarra s-sentenza u l-multa, iż-żagħżugħ se jkollu jaffaċċja r-rabja tal-ġenituri tiegħu ladarba jmur lura pajjiżu, speċjalment lil missieru li nzerta eks-membru tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), u bħalissa jaħdem bħala pulizija.
Il-Qprti kkunsidrat li Wright ikoopera mal-Pulizija, u talab apoloġija għal għemilu.
Huwa ngħata tmien xhur ħabs sospiżi għal sena u ġie mmultat €4,000.