Multa talli qatel mara minħabba l-ġrieħi li ġarrbet f’inċident fl-Imsida

Raġel li kien taħt l-effett tax-xorb meta darab b’mod gravi lil mara fl-Imsida li mietet sentejn wara l-inċident minħabba l-ġrieħi ngħata multa ta’ €3,000.

Fil-Qorti Emerson Vella ġie akkużat bil-qtil involontarju ta’ Catherine Fenech, omm li kienet waqfet fi Triq Dun Karm fl-Imsida biex tgħid lit-tifel tagħha meta waqfitlu l-karozza fix-xita. Madanakollu, il-prosekuzzjoni ħadet żball meta kitbet data żbaljata tal-mewt tal-mara.

Minħabba f’hekk, Vella ma setax jinstab ħati li qatilha. L-inċident kien seħħ fid-9 ta’ Marzu tal-2015 fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-mara mietet fl-1 ta’ April 2017.

Tabib kien qal li Fenech kienet fil-periklu li tmut minħabba l-ġrieħi tagħha. Qal li mietet sentejn wara l-inċident minħabba dawn il-ġrieħi.

Meta sar test tal-breathalyser fuq l-akkużat wara l-inċident, instab li kellu aktar xorb fis-sistema milli permessibli skont il-liġi. Kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Instab ukoll ħati li kien qed isuq b’mod perikoluż.

Il-Maġistrat Joseph Misfusd ordna lill-akkużat iħallas multa ta’ €3,000. Ġie pprojbit milli jsuq għal sena.

Franco Debono u Amadeus Cachia kienu l-avukati tad-difiża. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernardette Vella.