Multa ta’ massimu ta’ €600 jekk issuq dgħajsa b’veloċità eċċessiva – TM

Persuna li tinqabad issuq dgħajsa b’veloċità eċċessiva tista’ teħel multa sa massimu ta’ €600.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt kelliem għal Transport Malta li spjega li l-uffiċjali tal-infurzar fuq il-baħar jagħmlu sorveljanza kontinwa biex jaraw li l-opri tal-baħar ma jidħlux f’żoni riservati għall-għawwiema. Qal li dawn l-uffiċjali jaraw ukoll li l-opri tal-baħar ma jinstaqux b’mod negliġenti jew abbużiv, biex inaqqsu l-periklu jew dannu għal ħaddieħor. Intant spjega li Transport Malta diġà tħaddem numru ta’ kameras tas-sigurtà f’diversi żoni fil-portijiet, madanakollu ma speċifikax liema.

Aqra: “Kważi għarraq żewġt itfal meta għadda b’veloċità qawwija”

Il-kelliem spjega li f’każ li xi ħadd isuq b’veloċità eċċessiva, l-uffiċjali ta’ Transport Malta joħorġu multa ta’ €300. Jekk il-persuna tikkontesta l-multa u tinstab ħatja, il-multa titla’ għal €600.

Intant spjega li l-veloċità tad-dgħajjes m’għandhiex tkun ta’ iżjed minn 10 mili nawtiċi fis-siegħa f’xi port, 300 metru ‘l bogħod minn xtajta ta’ bajja bir-ramel jew 200 metru ‘l bogħod minn xtajtiet oħra. Qal li l-veloċità ma għandhiex taqbeż it-tliet mili nawtiċi fil-viċinanzi ta’, jew ġewwa l-marinas.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Transport Malta wara li sar jaf b’każ partikolari fejn dgħajsa għaddiet b’veloċità qawwija f’żona fejn ikun hemm familji jgħumu tant li kważi għarrqet żewġt itfal.