Multa ta’ €60,000 għal dak li kitbet fuq Facebook

Tfajla li, bla ħsieb ta’ xejn, poġġiet status mhux postu fuq Facebook swiet lill-familja tagħha €60,000. Dan għax instabet li kisret ftehim ta’ kunfidenzjalità li kien iffirma missierha.
 
Patrick Snay kien eks kap tal-Gulliver Preparatory School f’Miami, l-Istati Uniti. Ftit ilu ftiehem mal-iskola dwar kawża fil-qorti minħabba diskriminazzjoni fuq l-età. Huwa ingħata s-somma tal-flus bħala parti mill-qbil milħuq barra l-qorti.
 
Il-missier qal lil bintu bl-aħbar u bagħtha fuq btala mal-Ewropa bi tpattija għall-esperjenza qarsa ta’ dak li kien seħħ.
 
Iżda minflok qagħdet kwieta dwar min ħallsilha l-btala, it-tifla żvugat fuq Facebook biex tħabbar li ommha u missierha rebħu l-każ kontra l-iskola u li l-iskola issa kienet qed tħallsilha l-btala.
 
Iżda l-iskola qalet li dak li kitbet it-tifla jikser il-klawsola tal-kunfidenzjalità fil-ftehim u allura ma kinux se jħallsu. L-argument kien li l-1,200 persuna li jsegwu t-tfajla fuq Facebook kienu raw il-messaġġ. Il-qorti qablet ma’ din id-deċiżjoni u l-eks kap tal-iskola se jkollu jagħti l-flus lura.