Multa ta’ €57,500 għall-BOV fuq ksur ta’ liġijiet dwar ħasil ta’ flus – FIAU

Read in English.

Il-Bank of Valletta weħel multa ta’ €57,500 f’żewġ każijiet separati fejn il-bank ġie akkużat li kiser l-obbligazzjonijiet tiegħu fejn jidħlu r-regolamenti li jikkontrollaw il-ħasil tal-flus.

Dan ħareġ f’notifika pubblika ppubblikata fuq il-website tal-Aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus (FIAU). Ġie spjegat li d-deċiżjonijiet dwar iż-żewġ każijiet ħarġu mill-Qorti tal-Appell fit-8 ta’ Novembru tal-2019. Dan wara li l-Bank appella l-multi impost fuqu lura fis-17 ta’ Mejju tal-2018.

X’inhuma d-dettalji tal-każijiet?

Fl-ewwel każ, ħareġ li l-BOV kellu relazzjoni ta’ negozju ma klijent li kien informa lill-Bank li l-attività ekonomika tiegħu kienet dik ta’ ħaddiema ta’ fabbrika u eventwalment kienet dik ta’ persuna bla impjieg. Għaldaqstant, l-FIAU sabet li t-tranżazzjonijiet fil-kont bankarju tal-persuna kienu kbar ħafna meta mqabbla mal-ammont ta’ flus li suppost jidħlu fil-kont bankarju ta’ persuna tat-tip.

L-FIAU sostniet li l-Bank kellu responsabbiltà li jiskrutinizza t-tranżazzjonijiet li kienu qed isiru mill-klijent. Dan partikolarment minħabba li l-klijent kien qed jagħmel depożiti ta’ flus, inkluż anke muniti u cheques, ta’ valuri irregolari, anke fi żmien meta hu ma kellux impjieg. Intant ħareġ ukoll li l-Bank ma kellux id-dokumenti kollha neċessarji tal-persuna u ma kienx hemm spjega dwar minn fejn kienu qed jiġu dawn il-flejjes. Id-dokumenti wkoll kienu juru ċifra iktar baxxa minn kemm verament kien hemm fil-kont bankarju.

Dwar dan il-każ speċifiku, il-bank kien immultat €40,000.

It-tieni każ imbagħad kien jinvolvi l-ħidma tal-bank bħala agent tal-Iskema tar-Reġistrazzjoni għall-Investiment. Id-dokument tal-FIAU jgħid li l-bank falla milli jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jistabbilixxi s-sors tal-fondi jew l-assi li kienu qed jiġu reġistrati bħala parti mill-iskema. Din l-inkonsistenza nstabet f’70% tad-dokumenti li analizzat l-Aġenzija. B’rabta ma dan il-każ, il-bank weħel multa ta’ €17,500.